Nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar, DCapitals Big Band se jippreżentaw il-ħames edizzjoni tal-festival Kantamagħna fit-Teatru Astra fir-Rabat, Għawdex.
Il-festival, li hu miftuħ għal kantanti bejn l-10 u l-35 sena, se jara 24 kantant jintagħżlu wara proċess ta’ awdizzjonijiet li seħħew f’Novembru li għadda.
Dawn il-finalisti tqassmu fi tliet kategoriji, skont l-età: Kategorija A għal kantanti bejn l-10 u t-13-il sena; Kategorija B għal kantanti bejn l-14 u s-17-il sena; u Kategorija Ċ għal kantanti bejn it-18 u l-35 sena.
Il-kantanti kollha se jkunu akkumpanjati b’live big band taħt id-direzzjoni tas-Surmast George Apap. Il-festival jibda fis-7.30 ta’ filgħaxija u d-dħul għalih hu mingħajr ħlas.
Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija se jingħataw trofej, filwaqt li r-rebbieħ overall tal-festival jingħata esperjenza ta’ sena ma’ DCapitals Big Band fejn ikollu l-opportunità li jieħu sehem f’diversi kunċerti li din ikollha kemm f’Malta u anke barra minn xtutna.
Kantamagħna għandu l-appoġġ tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, Distinct Homes Ltd u SISU Tours.