Il-grupp Palestinjan Hamas qal li laħaq ftehim mal-grupp rivali, il-Fataħ, sabiex b’hekk ġiet fi tmiemha qasma li ilha tikkreja diversi problemi f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Il-Ħamas, li jikkontrolla l-Istrixxa ta’ Gaża, qal li d-dettalji tal-ftehim se jiġu rilaxxati aktar tard il-Ħamis. Il-Fataħ għadu ma kkummentax.
L-Eġittu tella’ serje ta’ taħditiet ta’ rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ naħat fil-Kajr.
Il-Palestinjani f’Gaża u fix-Xatt tal-Punent ilhom għal dawn l-aħħar snin immexxija separatament minħabba l-ġlied fatali li faqqa bejn iż-żewġ gruppi fl-2007.
Il-Ħamas kien rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari fit-territorji okkupati s-sena ta’ qabel, u saħħaħ is-setgħa tiegħu f’Gaża filwaqt li kompla jnaqqas l-vuċi tal-grupp Fataħ.
Iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni Palestinjan favur il-Ħamas ħabbar il-ftehim, u qal li d-dettalji se jkunu qed jiġu żvelati waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kajr f’nofsinhar.