Uffiċjal tal-Hamas ipprovda lill-BBC lista ta’ 34 ostaġġ li jistgħu jinħelsu bħala parti minn ftehim potenzjali ta’ waqfien mill-ġlied ma’ Iżrael. L-istat ta’ dawk elenkati mhuwiex ċar, anke għaliex dawn jinkludu għaxar nisa, 11-il raġel anzjan u tfal żgħar li preċedentement l-istess organizzazzjoni Islamika kienet irrapportat li dawn kienu nqatlu f’attakk mill-ajru.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan ċaħad li l-Hamas ipprovda xi lista ta’ ostaġġi u ddikjara li oriġinarjament din kienet ingħatat minn Iżrael ma’ intermedjarji f’Lulju 2024, iżda baqa’ qatt ma rċieva konferma mill-Hamas.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li din il-mossa mill-Hamas tista’ tkun immirata biex iżżid il-pressjoni fuq il-Gvern Iżraeljan hekk kif in-negozjati f’Doha, il-Qatar, ma wasslu għall-ebda progress sinifikanti.
Sadanittant uffiċjal tal-Hamas innota li kwalunkwe ftehim għar-ritorn tal-ostaġġi Iżraeljani jiddependi fuq ftehim biex Iżrael jirtira minn Gaza u jistabbilixxi waqfien mill-ġlied permanenti.
Aktar kmieni, il-Hamas ħareġ filmat ta’ Liri Albag, Iżraeljana ta’ 19-il sena, li appellat favur ftehim. Hi kienet fost dawk li nqabdu waqt l-attakk tal-Hamas fis-7 ta’ Ottubru 2023, li wkoll irriżulta f’madwar 1,200 mewt u l-ħtif ta’ 251 persuna oħra f’Iżrael.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-azzjonijiet militari Iżraeljani wasslu għal aktar minn 45,800 mewt fil-Medda ta’ Gaza, inkluż b’attakki mill-ajru.