Erba’ ġimgħat wara li l-grupp militanti tal-Hamas attakka lill-Iżrael, ma waqfux il-bumbardamenti, b’iktar minn 230 persuna ġew maħtufa.
Fost il-maħtufa kien hemm nanna Iżraeljana li sfortunatament ġiet maqtula u n-neputija tagħha indunat b’dan wara li l-Hamas poġġew filmat tal-ġisem taghħa mejjet fuq il-paġna tagħha stess ta’ Facebook.
Intant il-Ġnus Maqgħuda qalet li din l-organizzazzjoni ma tantx fadal x’tagħmel biex tipproteġi lin-nies ta’ Gaza. Fil-fatt spjegat li bħalissa ma hemm l-ebda post sigur f’Gaza biex in-nies jippruvaw jistkennu fih.
F’filmat fuq il-midja soċjali, Thomas White, kelliem għall-Ġnus Maqgħuda qal li hemm madwar sitt mitt elf persuna li qed jippruvaw isibu kenn fil-binjiet tagħhom, però minn dawn il-ħamsin binja, l-ebda waħda ma tista tgħid li hija protetta u b’xi mod jew ieħor kull binja ġiet milquta minn din il-gwerra.
Il-Ġimgħa iktar minn 13-il persuna nqatlu fi splużjoni barra l-akbar sptar fil-belt ta’ Gaza. L-Iżrael ikkonfermat li laqtet ambulanza li bdiet tintuża minn ħaddiema tal-Hamas. Il-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Hamas qal li sa issa mietu iktar minn disat elef persuna.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li mhu se jkun hemm l-ebda waqfa mill-ġlied sakemm l-ostaġġi Iżraealjani kollha li qegħdin jinżammu f’Gaza jiġu meħlusa.