Il-militanti tal-Hamas sparaw numru ta’ rokits fuq l-Iżrael, hekk kif attakki mill-ajru li wettqu aktar qabel l-Iżraeljani qatlu kmandanti għolja filwaqt li ġarrfu xi bini f’Gaża.
Skont rapporti, dawn ir-rokits laqtu diversi postijiet fin-Nofsinhar tal-Iżrael u saħansitra qatlu tifel.
S’issa minn tal-inqas 65 persuna inkluż 14-il tifel u tifla nqatlu f’Gaża filwaqt li fl-Iżrael inqatlu seba’ persuni.
Matul il-lejl li għadda aktar minn 370 persuna ġew arrestati b’rabta mal-kunflitti f’żoni Iżraeljani li fihom jgħixu popolazzjonijiet imħallta ta’ Lhud u Għarab.
Tard l-Erbgħa filgħaxija, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li qed jippjana li jibgħat forzi militari sabiex jassisitu lill-pulizija ħalli tinżamm l-ordni fiż-żoni fejn il-vjolenza qed teskala.
Intant, in-Nazzjonijiet Maqgħuda qed twissi illi l-ġlied, li intensifika nhar it-Tnejn li għadda, jista’ jwassal għall-gwerra.