Il-Hamas ħabbru li kienu se jitilqu lil Edan Alexander, li huwa l-aħħar ostaġġ Amerikan ħaj miżmum f’Gaza.
Il-mexxej tan-negozjati f’isem il-Hamas qal fl-aħħar jiem kienu ikkuntattjaw lill-amministrazzjoni Amerikana f’diskussjonijiet pożittivi u kien propju wara li tħabbar il-ħelsien ta’ Alexander bħala parti mit-trattativi ta’ waqfien mill-ġlied li se jaraw il-ftuħ mill-ġdid għall-għajnuna umanitarja f’Gaza wara li aktar minn xahrejn ilu din ġiet imblukkata minn Iżrael.
Il-familja ta’ Alexander qalu li din l-aħbar propju f’Jum l-Omm kienet l-akbar rigal immaġinabbli filwaqt li rringrazzjaw lill-President Amerikan Donald Trump u l-mibgħut speċjali fil-Lvant Nofsani Steve Witkoff flimkien mal-amministrazzjoni tagħhom li kienu strumentali biex dan iseħħ.
Alexander mistenni jkun meħlus bejn illum u għada.
Din il-mossa qiegħda titqies bħala waħda importanti fl-iżviluppi ta’ rieda tajba min-naħa tal-Hamas sabiex tinstab soluzzjoni għall-ħerba fil-Lvant Nofsani speċjalment meta Iżrael, il-ġimgħa l-oħra ħabbar l-espanjoni fl-operazzjoni militari tiegħu fil-Medda ta’ Gaza.
Sadanittant, kelliem mill-uffiċċju tal-Prim Ministru Netanyahu qal li huma kienu ġew infurmati mill-Istati Uniti bl-intenzjoni tal-Hamas sabiex jinħeles Alexander mingħajr kumpens jew kundizzjonijiet. Huma qalu wkoll li minn naħa tagħhom ma kienux ikkommettew ruħhom għall-ebda waqfien mill-ġlied jew li jeħilsu xi priġunieri Palestinjani iżda biss li jipprovdu passaġġ sigur sabiex ikun jista’ jinħeles Edan Alexander. Fl-ebda ħin ma semma’ li kienu se jneħħu l-imblokk biex tiddaħħal għajnuna umanitarja.
Alexander, li kien qed iservi mal-militar ta’ Iżrael, kien inħataf mill-militanti tal-Hamas fis-7 t’Ottubru 2023 u huwa wieħed mid-59 ostaġġ li għadhom jinżammu f’Gaza għalkemm huwa maħsub li madwar terz minnhom biss għadhom ħajjin. Jidher li fost il-mejta hemm erba’ ċittadini Amerikani.
Għajnuna umanitarja ilha ma tidħol f’Gaza mit-2 ta’ Marzu, bil-konsegwenza li issa hemm nuqqas kbir ta’ ikel hekk kif il-provisti spiċċaw kollha. Barra minn hekk hemm ukoll nuqqas kbir ta’ mediċini b’43% ta’ dawk essenzjali spiċċaw għal kollox. Il-Ġimgħa, il-World Chef Kitchen qalu li spiċċa d-dqiq u għalhekk ma jistgħux jaħmu aktar ħobż u qegħdin jiffukaw sabiex għall-inqas jibqa jkun hemm provistà ta’ ilma nadif.