Ta’ età tenera t-tfal diġà jibdew jiġu esposti għall-atmosfera tal-Halloween. Dan hekk kif minkejja li forsi ma jiċċelebrawx din il-‘festa’, xorta waħda permezz ta’ films u cartoons li jsegwu t-tema tal-Halloween jispiċċaw esposti għal ‘festa’ li llum l-ġurnata f’Malta saret qisha parti mill-kalendarju ta’ kull sena.Dan hekk kif minn sena għal oħra t-tfal qed jiġu mħeġġa biex jilbsu ta’ xi karattru tal-biża’, bħal pereżempju xi saħħara jew forsi skeletru għal xi festin. Apparti minn hekk it-tradizzjoni tat-trick-or-treating famuża ferm l-Amerika issa daħlet ġmielha f’bosta lokalitajiet f’Malta u Għawdex, b’għexieren ta’ tfal ta’ kull età iduru l-bibien tal-lokalità tagħhom lebsin kostum fejn flimkien mal-ġenituri jħabbtu bieb ibeb jistaqsu għal xi ħaġa tal-ħelu.
Għalkemm inizjalment dawn il-jiem għalina l-Maltin huma mfakkra bħala l-festi tal-mejtin, fejn fihom infakkru l-qraba u l-ħbieb tal-qalb li ħallew din id-dinja jidher li maż-żmien qed tidħol aktar il-moda tal-Halloween. Moda li tinżel għasel ma’ min iħobb id-dinja tas-sopranaturali u mat-tfal u anke li jħobbu jilbsu kustumi u forsi jħobbu l-ħelu.
U int, taqbel ma’ din il-moda ġdida?