Ktieb bin-novelli u l-biografija ta’ Nikol Biancardi, wieħed mill-pijunieri tal-Partit Laburista ġie ippreżentat lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja.
Il-ktieb Il-Ħalliel tal-Mejtin ġie ippreżentat minn Donna Lynn Calleja li ġabret in-novelli kollha ta’ Biancardi u kitbet il-bijografija tiegħu.
Calleja qalet li Nikol Biancardi ħadem fi ħdan il-Partit Laburista fis-snin għoxrin biex jeqred il-faqar, ir-regħba, il-qgħad u jġib kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol għall-ħaddiema Maltin bħal sħabhom ħaddiema Ewropej. Fin-novelli tieghu, qalet Calleja, Nikol Biancardi mess temi soċjo-realisti, dejjem kiteb favur iż–żgħir u l-batut.
Biancardi kien wieħed minn dawk li żera’ f’Malta l-ħsieb soċjalista u fost l-ewwel li ħeġġeġ biex il-jum ta’ l-1 ta’ Mejju ikun ikun iċċelebrat f’Malta wkoll, kif kien qed isir madwar l-Ewropa.
L-ewwel festa tal-1 ta’ Mejju f’Malta kienet saret fl-Isla fl-1926. Biancardi kien fost l-ewwel intelletwali tal-Partit Laburista flimkien ma’ John F. Marks, Ġuże’ Orlando, Ġuże’ Ellul Mercer, Gino Muscat Azzopardi, Pawlu Boffa li waqqfu l-Partit Laburista bil-għan li jdaħħlu liġijiet soċjali f’Malta u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
Il-Prim Ministru feraħ lil Donna Lynn Calleja għax-xogħol siewi tagħha biex tiżvela din id-dokumentazzjoni letterarja tant importanti għal-letteratura u l-ilsien Malti fl-ewwel snin tas-seklu 20.
SKS (Sensiela Kotba Soċjalisti) qalet li Biancardi ma kellux qraba u r-riċerka ta’ Calleja kienet importanti ħafna biex tislet in-novelli u l-biografija tiegħu li kienu ilhom ‘midfunin’ għal tant snin.
Il-Ħalliel tal-Mejtin se jkun għall-bejgħ f’Jum il-Ħaddiem (€10) fil-Belt Valletta.