Fl-aħħar snin, il-Komunità Santa Marija f’Ħal Farruġ, serviet ta’ għajnuna għal diversi persuni li ħabbtu wiċċhom ma’ mumenti suwed fil-ħajja, minħabba ċirkostanzi u esperjenzi li jkunu laqqgħuhom mad-droga u l-vizzju tax-xorb.
Permezz ta’ professjonisti u ħaddiema f’dan iċ-ċentru, ħames residenti rnexxielhom itemmu b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni.
Iltqajna ma’ wieħed minnhom u tkellimna miegħu dwar l-impatt li ħalliet fuqu l-Komunità Santa Marija.
Huwa qal, “llum il-ġurnata li għamilt il-programm il-KSM tatni esperjenza kbira, persuna differenti ħafna li qed ngħix u naċċetta dak kollu li jdur madwari. Lis-socjetà tagħna għandi ħafna x’noffrilha li nies bħali li issa jagħmlu l-programm li qegħdin f’ħofra li ma jistgħux jitilgħu minnha jagħżlu t-triq it-tajba, jagħmlu bħali, li jsibu lilhom innifishom, u jkunu ta’ ġid iktar għas-socjetà.”
Qalilna li l-ewwel li beda, minħabba li kien jistħi ħafna, kien bl-alkoħol, meta kellu biss sbatax-il sena, u wara għadda għad-droga.
Kienu l-ewwel jiem tas-sena 2019, li ġabuh dahru mal-ħajt u beda paġna ġdida.
Wara ġurnata jixrob u jabbuża mill-kokaina, spiċċa l-ITU b’overdose. Daħal monstru ġo fih. Telaq mid-dar.
Qal, “Il-vizzju beda dieħel, il-problema bdiet tikber, ix-xorb u d-droga bdiet togħġobni ħafna, illi bdejt naċċetta lilha iktar mill-familja u ma stajtx inwaqqafha dak iż-żmien. Dawn il-vizzjijiet kienu ibsin ħafna speċjalment fuq it-tifel u fuq il-mara li kelli, illi wasalt li kissirt il-familja, minħabba l-vizzju tad-droga u minħabba l-vizzju tax-xorb.”
Tlabnih jagħti parir lil min qiegħed fit-triq tal-abbuż u l-vizzji.
Stqarr, “Min hu fil-bidu tal-alkoħol jew tal-vizzju tad-droga jew ta’ sustanzi oħra tad-droga, nixtieq ngħidlu li hawn l-għajnuna u l-mezzi kollha illum illi ma jħallix il-vizzju jidħol ħafna ġo fih, li jikber ġo fih.”
Għaċ-ċerimonja, fost il-mistednin kien hemm il-kantant Kurt Calleja li semma kif il-kanzunetta tiegħu ‘Bla tarf’, hija mnebbħa minn storja vera ta’ żewġ persuni li kienu jabbużaw mid-droga li kienu ltaqgħu waqt il-programm, fi ħdan il-Komunità Santa Marija, baqgħu flimkien, emigraw, u bnew familja flimkien.
Għaċ-ċerimonja kien hemm il-President ta’ Malta, Dr George Vella, il-Ministru Michael Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, u d-Direttur tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri, li ppreżentaw iċ-ċertifikati lil dawn il-ħames persuni.