“Il-ħajja fl-iskola tagħtini skop għall-missjoni tiegħi bħala soru.”
Kliem Veronica Gerada, soru Agostinjana li tkellmet magħna fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mit-twaqqif tal-komunità Agostinjana f’pajjiżna.
Kien f’Awwissu tal-1,894 meta ġew l-ewwel sorijiet Agostinjani f’Malta mill-Italja u waqqfu l-ewwel komunità f’Ħal Qormi, fejn xahrejn wara, fetħu skola għat-tfal żgħar.
Il-missjoni tas-sorijiet Agostinjani hija msejsa fuq il-formazzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, u tmur lura għal meta l-Fundatriċi tal-Komunità Sister Maria Teresa Spinelli kienet tiġbor tfajliet li ma kellhomx aċċess għall-edukazzjoni fi Frosinone fl-Italja u fetħet l-ewwel skola pubblika.
Minbarra li hija soru, Veronica hija wkoll kap ta’ skola, u ma’ ONE News spjegat li ż-żewġ irwoli jikkumplimentaw lil xulxin.
Sister Veronica stqarret: “Ma nħossx li hemm kunflitt bejn il-ħajja li rrid ngħix bħala soru u l-missjoni tiegħi fl-iskola, anzi jikkumplimtnaw ħafna ’l xulxin għax ovvjament il-ħajja fl-iskola tagħtini skop għal dak li qed ngħix.”
Tul is-snin li ilha f’din il-missjoni, Sister Veronica tistqarr li dawk li jħallu l-akbar impatt fuqha, huma tfal bi sfond diffiċli.
“Sfortunatament, illum il-ġurnata għandna ħafna tfal li qed jgħaddu minn ħafna problemi, ħafna uġigħ u ħafna tbatija, u l-ikbar sodisfazzjon għalija li b’xi mod nilqgħuhom. Ma nistgħux nibdlu d-dinja, imma jekk nagħtu xi ħaġa tifla, tifla, għalija jkun biżżejjed”, sostniet sister Gerada.
Biex ifakkru il-125 anniversarju, il-Ħadd li ġej is-sorijiet Agostinjani se jtellgħu attività fl-iskola ta’ St. Monica f’Birkirkara, biex dawk li jattendu jifhmu r-realtà li jgħixu s-sorijiet, u l-istorja li ffurmathom tul is-snin.
“It-tfal u l-kbar ħa jkollhom ċans jiltaqgħu mas-sisters u max-xogħol tagħna u jkollhom ċans ta’ hands on activities, per eżempju t-tfal ħa jkollhom ċans jiltaqgħu ma’ sisters kbar li jagħmlu x-xogħol bl-idejn u jistgħu huma wkoll jagħmlu x-xogħol bl-idejn,” temmet tgħid Sister Veronica.
Il-programm tal-attivitajiet jinsab fuq il-paġna ta’ Facebook tas-sorijiet Agostinjani ta’ Malta.