Il-ħaddiema Torok li spiċċaw fi kwistjoni fuq ħlasijiet tal-pagi mistennija jirċievu l-ewwel sold fit-tlieta ta’ Lulju li ġej.
Il-gazzetta Independent irrappurtat li l-ħaddiema tal-kumpanija ta’ kostruzzjoni Torka, Taca marru lura pajjiżhom iżda għadhom jistennew li jitħallsu.
Huma kienu qed jaħdmu fuq il-proġett ta’ żvilupp ta’ Tignè iżda għamlu strajk, saħansitra anki wieħed tal-ġuħ wara li kienu ilhom ħames xhur ma jirċievu paga.
Jirriżulta li kien hawn mat-tmenin ħaddiem Tork jaħdmu fuq il-proġett f’Tas-Sliema.
Il-Fortina kienet qattgħet il-karti minn mal-kumpanija Taca wara li fallew it-taħdidiet dwar il-proġett.
Il-Fortina dejjem saħqet li hija l-kumpanija tal-kostruzzjoni li trid tonora u tieħu ħsieb li tħallas il-ħaddiema tagħha.
Fil-fatt fi stqarrija l-Fortina kienet saħqet li jiddispjaċiha u tempatizza mal-ħaddiema Torok fuq is-sitwazzjoni.
“Aħna mhux biss għamilna dak li stajna biex nonoraw l-obbligi finanzjarji imma ħallasna iżjed biex niffaċilitaw l-affarijiet”, saħqet il-Fortina.
Din spjegat li b’sens ta’ rieda tajba baqgħet għaddejja bit-taħdidiet anki wara li fit-3 ta’ Ġunju ħarġet notifika li se jiġi tterminat il-kuntratt.
Il-Fortina qalet ukoll li se żżomm responsabbli l-kumpanija ta’ kostruzzjoni Torka għad-danni tax-xogħlijiet li waqgħu lura.
Saħqet li se tibqa’ impenjata biex tlesti l-proġett, b’kuntrattur ieħor.