Il-ħaddiema tat-Toly ser jerġgħu jibdew jaħdmu ħamest ijiem fil-ġimgħa. Dan wara li l-miżuri mħabbra mill-Gvern bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika kienu ta’ għajnuna għal din il-kumpanija.
Dan ħabbru il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, Silvio Schembri waqt żjara li għamel fil-bini tal-kumpanija Toly Products.
Il-Ministru Schembri spjega kif il-miżuri ta’ riġenerazzjoni ekonomika offrew l-għajnuna meħtieġa lin-negozji Maltin f’dan iż-żmien tal-pandemija. Stqarr kif bħal ħafna kumpaniji, il-ħaddiema tal-kumpanija Toly kellhom jibdew jaħdmu biss erbat ijiem fil-ġimgħa madankollu issa ser jerġgħu jibdew jaħdmu ħames darbiet fil-ġimgħa. Dan permezz tal-miżuri bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, b’mod speċjali l-iskema tal-ħlas tal-pagi li minnha l-kumpanija bbenefikat minn aktar minn mija u ħamsa u tmenin elf ewro.
Huwa qal: “Illum stajna naraw kif grazzi għall-ħidma li għamilna mal-unjin, bejn il-Gvern kif ukoll it-Toly u Malta Enterprise stajna naraw kif issa l-ħaddiema minn erbat ijiem fil-ġimgħa qed jerġgħu jirritornaw għal ħamest ijiem fil-ġimgħa u allura issa bil-mod il-mod nerġgħu nibdew nirritornaw kemm jista’ jkun malajr għan-normalità.”
Il-Ministru Schembri spjega wkoll kif il-Gvern flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ ser ikun qed iħabbar miżura li ser tgħin lin-negozji Maltin sabiex jirriġeneraw il-pjanijiet tan-negozju tagħhom sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun waħda iżjed reżiljenti.
Huwa fakkar ukoll kif il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika għandu fih l-akbar investiment infrastrutturali industrijali fl-istorja ta’ pajjiżna b’allokazzjoni ta’ madwar erba’ mija u ħamsin miljun ewro.
Iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Toly Products, Andy Gatesy spjega kif kien bis-saħħa tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Gvern u l-koperazzjoni tal-ħaddiema tagħhom li ma ntilfux impjiegi tul il-pandemija.
Huwa saħaq: “Government support, the Covid Wage Supplement has definitely helped us aswell as other initiatives from the government to see what we could do to protect people.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia stqarr li f’pajjiżna anke f’dan iż-żmien, bosta kumpaniji tal-manifattura qed jippjanaw li jkomplu jkabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna anke f’dan iż-żmien li l-pandemija laqtet id-dinja.