Permezz ta’ inizjattiva bejn l-Università ta’ Malta u San Vinċenz de Paul qed jingħata kors bażiku fil-lingwa Maltija għall-ħaddiema tas-saħħa barranin f’din ir-residenza.
Dan il-kors, li beda madwar ġimagħtejn ilu, bħalissa qed jagħmluh 30 infermier u 30 carer u fix-xhur li ġejjin dawn mistennija jiżdiedu. Il-kors se jdum madwar xahrejn u nofs u l-lezzjonijiet se jingħataw fil-post fejn jaħdmu stess.
Dwar dan il-kors tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz de Paul, Jorgen Souness, li qal li ma’ dan il-kors tal-lingwa Maltija daqt se jiżdied ukoll ieħor dwar il-kultura ta’ pajjiżna.
“Dan il-kors hu importanti, għax ovvjament l-anzjani tagħna mhux kollha jafu jitkellmu bl-Ingliż u mhux kollha jifhmu bl-Ingliż. Rajna d-domanda tagħhom u għedna li jekk inżidu dan il-kors tal-Malti, il-carer kapaċi jifhem. Jekk pazjent ikellmu bil-Malti, speċjalment jgħidlu ‘għandi l-ġuħ’ jew ‘ajma’, dan ikun jista’ jifhem il-pazjent xi jrid.”
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, saħaq li dan il-kors se jtejjeb il-kura tal-pazjenti.
“U aħna, li qed nagħmlu issa, qed noffruhom f’ħinijiet li huma aktar aċċessibli. Qed noffruhom għal kwatità akbar ta’ nies, jiġifieri jekk nagħtik figura, in-numri ta’ persuni li qabel kienu qed jitgħallmu Malti bażiku, b’din l-inizjattiva hawnhekk issa se jiżdiedu b’erba’ darbiet aktar.”
Dwar dan il-kors tkellimna wkoll mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea.
“Il-maġġoranza tal-anzjani ħafna jużaw il-Malti u allura jħossuhom aktar komdi. Però, fl-aktar ħaġa għas-sigurtà, għax jekk inti mhux se tinftiehem sew ħa jkollok nuqqas ta’ sigurtà u aħna l-inkwiet tagħna jkun ta’ sigurtà, ovvjament u allura dan il-kors hu importanti mmens ħalli jkollok komunikazzjoni tajba u l-bażi ta’ kollox, imbagħad, ħa żżid is-sigurtà fil-kura tagħhom.”