L-emenda kostituzzjonali li approva l-Parlament tingħaqad mal-avvanzi kbar li saru fl-aħħar snin fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fejn fost l-oħrajn il-ħaddiema tiegħu ġew dikjarati uffiċjlalment bħala Korp Dixxiplinat, kif issa ġew iddikjarati fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru responsabbli għall-Intern, Byron Camilleri, spjega li din l-emenda tfisser ħafna għal ħaddiema ta’ dan il-korp dixxiplinat.
“Il-Protezzjoni Ċivili morna minn dipartiment li ma jagħtix serħan lin-nies, dipartiment tas-second hand, għal dipartiment li qed jaqdi s-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, għaliex kollha kemm aħna nserrħu rasna li jkun hemm ħaddiema mħarrġin kif jixraq, ħaddiema li għandhom il-kundizzjonijiet kif jixraq, kif ukoll għandhom l-għodda kollha possibbli sabiex jgħinuna fl-eventwalità li tinqala’ xi ħaġa ħażina. Issa wkoll elevajnihom daqs il-korpi dixxiplinati kollha fil-Kostituzzjoni tagħna, li issa magħrufin ukoll bħala korp dixxiplinat bil-qawwa kollha li tagħtih il-Kostituzzjoni tagħna.”
Fost il-miżuri li twettqu fl-aħħar snin hemm dawk li l-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati jistgħu jissieħbu f’unjin, li wassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Din is-sena, il-Gvern investa kważi €20 miljun oħra fi proġetti kapitali biex il-korpi dixxiplinati jkollhom l-aqwa faċilitajiet u apparat modern.
Il-Budget għas-sena d-dieħla se jkompli jsaħħaħ il-korpi dixxiplinati, anki permezz ta’ żieda fil-pensjoni ta’ 23 fil-mija lil dawk il-ħaddiema li jagħmlu erba’ snin ta’ servizz addizzjonali wara l-ħamsa u għoxrin sena servizz, kif ukoll il-pensjoni lir-romol ta’ uffiċjali li jkunu ġew nieqsa waqt is-servizz tagħhom f’Korp Dixxiplinat.