Fost il-ħaddiema tal-istamperija u n-nies li jagħtu ħinhom fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista jeżisti għadab kbir għall-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, wara d-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali.
L-għada tad-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali, imkejjen mid-Dar Ċentrali tkellmu ma’ ONE News u qalu li spikkat rabja kbira għal Bernard Grech, li f’indirizz li għamel lill-Kunsilliera tefa’ t-tort tat-telfa fuq kulħadd minbarra fuqu innifsu.
Grech qal, “Kull xahar li jgħaddi qegħdin nitilfu għexieren ta’ eluf ta’ ewro, mhux illum, għal dan l-aħħar żmien fil-kumpanija tal-midja tagħna.”
L-istess sorsi f’Tal-Pietà qalu li l-ħaddiema fid-Dar Ċentrali kienu urtati għall-fatt li Bernard Grech qal li l-problemi jmorru lil hinn mit-tmexxija u individwalizza l-midja tal-Partit Nazzjonalista u l-pagi tal-ħaddiema li jaħdmu magħha bħala problema kbira għall-finanzi tal-partit li jmexxi.
Fuq kollox, il-ħaddiema fl-istamperija, fosthom dawk li jaħdmu mal-midja tal-partit, innutaw kif Bernard Grech ma ddejjaq xejn isib l-eluf għall-eks Chief of Staff ta’ George Pullicino, Ray Bezzina u wisq inqas ma ddejjaq jimpjega lil Chris Peregin, b’paga rappurtata li tiżboq is-sittin elf ewro.
“Bernard Grech jagħsrek bħal-lumija u jarmik. Lil Bezzina u lil Peregin ma sabx problema biex jagħtihom l-eluf biex imbagħad dawn dabbru rashom eżatt wara l-elezzjoni,” saħaq sors li dejjem ħadem għall-partit.
L-istess sors qalilna li mhux ta’ b’xejn li wara l-elezzjoni ċerti kandidati ħassewhom urtati u bdew jirriżenjaw u jitilqu mill-partit ta’ Bernard Grech.
Fil-fatt Ivan Bartolo, li ħareġ mal-Partit Nazzjonalista fuq ir-raba’ distrett, saħaq li m’għadux jagħraf il-partit li għamel snin twal jimmilita fih filwaqt li Doris Borg, eks kandidata Nazzjonalista fuq it-tieni distrett, ilmentat li sfat diskriminata u li d-dinjità tagħha ġiet ikkalpestata.
L-istess sorsi fl-istamperija qalulna li fost il-ħaddiema teżisti apatija kbira u d-dwejjaq jispikka tant li xi ħaddiema, anki li ilhom is-snin jagħtu ħinhom fid-Dar Ċentrali, qed jaħsbuha li jitilqu.
Is-sorsi tagħna mid-Dar Ċentrali qalulna wkoll li, l-għada tad-diskors li għamel Bernard Grech fil-Kunsill Ġenerali, il-Kap ma felaħx iħares f’wiċċ il-ħaddiema li anki esprimew rabja kbira hekk kif lemħuh idur fil-kurituri.
Dawn saħqu li d-diskors ta’ Bernard Grech, li jpinġi lill-ħaddiema fil-midja tal-partit bħala mażżra m’għonq il-Partit Nazzjonalista, weġġagħhom immens għax il-Kap użahom għall-kampanja elettorali u issa jrid jitfa’ fuqhom kull ħtija għall-problemi finanzjarji li għandu l-Partit Nazzjonalista.