Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-forzi dixxiplinati ta’ pajjiżna, permezz tal-implimentazzjoni ta’ żewġ miżuri storiċi oħrajn, kif jissemmew fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u fil-Baġit għal din is-sena.
Ħabbru dan il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, u l-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far u fil-preżenza ta’ numru ta’ ħaddiema mill-forzi dixxiplinati.
L-ewwel miżura hija indirizzata għall-pensjonanti tas-servizz. S’issa dawn kellhom il-pensjoni tagħhom iffriżata u ma kienux jieħdu żidiet tal-għoli tal-ħajja. Minn din is-sena dawn il-pensjonanti se jibdew jieħdu bonus addizzjonali għall-għoli tal-ħajja ekwivalenti għaż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja, sakemm ma jirċievux il-COLA minn bnadi oħra.
Il-Ministru Falzon spjega kif dawk eliġibbli, li jgħoddu għal madwar 500 persuna, se jirċievu dan il-benefiċċju f’forma ta’ bonus li jitħallas kull sitt xhur, sakemm il-persuna ma tibdiex taħdem jew tieħu pensjoni jew benefiċċju ieħor tas-sigurtà soċjali. F’dan il-każ il-bonus xorta jitħallas bir-rata li tkun akkumulat sa dakinhar.
L-ewwel ħlas, li jkopri l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, se jkun qed jiswa mija u ħamsin elf ewro u b’hekk sal-aħħar tas-sena l-investiment se jaqbeż it-tliet mitt elf ewro.
Qal, “Wegħda li, proposta li pproponejna u din qed inwettquha u allura hawnhekk se jkun hemm titjib fl-income ta’ dawn il-persuni u titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.”
It-tieni miżura tibni fuq inċentivi introdotti fl-aħħar ftit xhur li jinċentivaw lill-ħaddiema jestendu s-servizz tagħhom sew jekk hux permezz tat-tisħiħ tal-pensjoni tas-servizz bi 23% għal dawk li jestendu s-servizz sa’ 29 sena servizz, jew permezz ta’ allowance għal dawk li jestendu s-servizz b’erba’ snin oħra.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-miżura hija maħsuba biex tagħti protezzjoni lill-pensjoni tas-servizz tal-ħaddiema mal-mument li jagħmel il-25 sena servizz b’mod meritevoli u jagħżel li jkompli jagħti aktar snin ta’ servizz.
Qal, “Qed niggarantixxu l-25 sena servizz jekk dawn il-persuni jieħdu l-miżuri li implimentajna dan l-aħħar li jestendu s-servizz. Dan il-mod verament qed nuru li qalbna tħabbat mal-ħaddiem b’mod kontinwu, għax darba wara l-oħra qed intejbu l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema.”