Il-Ministru Joe Mizzi ngħaqad mal-management tal-Enemalta biex iżur lill-ħaddiema fil-Marsa u f’Delimara li nzertaw xogħol fl-ewwel jum tas-sena.
Flimkien maċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, mal-Inġinier Jason Vella – li nħatar kap eżekuttiv tal-Enemalta u beda l-kariga tiegħu mil-lum – u ma’ uffiċjali għolja oħrajn, il-Ministru Joe Mizzi tkellem mal-ħaddiema u rringrazzjahom tax-xogħol siewi tagħhom, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi meta jkunu ’l bogħod mill-għeżież tagħhom.
Hu qal li sfortunatament mhux kulħadd jifhem u japprezza x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema permezz tal-ħidma tagħhom fil-ġenerazzjoni u fid-distribuzzjoni tal-elettriku biex in-nies ikunu jistgħu jsaħħnu djarhom u jgħixu komdi.
Il-Ministru awgura lill-ħaddiema kollha sena ġdida mimlija suċċessi kemm fuq il-post tax-xogħol tagħhom kif ukoll fil-ħajja personali.
Ritratt: MEW