Wara l-unjin tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ tal-Air Malta rrifjutat għall-erba’ darbiet il-pakkett soċjali tal-Air Malta, issa l-unjin aċċettat dan il-pakkett.
Fil-fatt disgħin fil-mija tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ tal-Air Malta vvutaw favur l-offerta tal-linja nazzjonali tal-ajru li biha l-ħaddiema li baqgħu d-dar u mhux jaħdmu jirċievu salarju ta’ elf u mitejn ewro fix-xahar.
Dan l-aħħar vot ittieħed wara li l-Air Malta kitbet lid-Dipartiment għar-relazzjonijiet industrijali u tal-impjieg u wriet l-intenzjoni li twaqqaf l-impjieg tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ u l-bdoti.
Riżultat tal-pandemija, l-Air Malta kellha tnaqqas l-operat u ħafna mill-flotta tinsab wieqfa minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
Fil-fatt huma żewġ ajruplani minn għaxra li qed joperaw u għalhekk offriet pakkett soċjali lill-ħaddiema kollha li bħalissa qed jibqgħu d-dar u mhux qed imorru għax-xogħol.
Aktar kmieni, l-offerta tal-Air Malta ġiet approvata mill-union tal-inġiniera iżda l-unjin tal-bdoti, l-ALPA ma rrispondietx għall-offerta tal-linja nazzjonali tal-ajru.