Il-ħaddiema tal-WasteServ se jibbenefikaw minn żieda fis-salarji ta’ bejn €1,000 u €2,000 fis-sena, grazzi għal ftehim kollettiv ġdid, li ġie ffirmat. Dan il-ftehim jippromwovi bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol u jinkludi ukoll allowances speċifiċi biex jikkumpensaw lill-ħaddiema skont il-kumplessitajiet tar-rwoli differenti tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ sostna kif din l-entità qed tikseb rekords ġodda, bis-saħħa tal-ħaddiema tagħha.
“B’dan il-ftehim kollettiv se nkunu qed nippremjaw lil kull ħaddiem, mill-iżgħar wieħed sal-ikbar wieħed, b’kundizzjonijiet ferm aħjar, b’żidiet fil-paga, titjib fil-kundizzjonijiet. Biex b’hekk, bħala pajjiż, bħala kumpanija, nuru l-apprezzament tagħna lil dawn il-ħaddiema.”
Richard Bilocca, Kap Eżekuttiv, Wasteserv
Dwar il-ftehim kollettiv il-ġdid ikkummentat ukoll il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli.
“Dan il-ftehim kollettiv hu turija ta’ apprezzament lejn il-ħaddiema kollha tal-WasteServ, għax grazzi għall-ħidma tagħhom, kollha kemm huma, qegħdin sena wara oħra, qed nirreġistraw riżultati pożittivi.”
Ministru Miriam Dalli