Ftit jiem miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel ta’ Mejju u l-kisbiet tal-ħaddiema li ġew introdotti f’pajjiżna, il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Jesmond Bonello tenna li l-ħaddiem għandu jibqa’ dejjem fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed mill-gvernijiet.
Hu tenna kif dan qed isir ukoll mill-Gvern attwali, li kontinwament jara kif jassisti lill-ħaddiema u l-familji tagħhom b’inizjattivi ġodda u titjieb ta’ kundizzjonijiet oħrajn li jippermettu biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar.
Bonello fakkar kif, imqabblin ma’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, wera biċ-ċar li l-politika li jħaddan mhix waħda mibnija fuq l-awsterità, iżda fuq l-investimenti fil-familji, fil-ħaddiema u l-pensjonanti.
Hu rrefera għal numru ta’ inizjattivi simili, inkluż il-ftehim storiku biex, għal darb’oħra, żdiedet il-Paga Minima u l-In-Work Benefit, fost oħrajn.
Bonello saħaq li, waqt li l-pajjiż għandu dejjem jara li jkollu tkabbir ekonomiku tajjeb, xorta jibqa’ importanti li l-ħaddiema u l-familji tagħhom jibqgħu prijorità għal pajjiżna u hemm bżonn li nkomplu naħdmu biex ikollhom dħul diċenti li jippermettilhom kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar.
“Dawn huma kollha prijoritajiet li hemm bżonn u jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tiffoka aktar. Tiffoka għalxiex? Għax l-interessi tiegħek u tal-familja tiegħek għandhom ikunu dejjem prijorità għall-Unjoni Ewropea. Mhux biss fl-affarijiet li, forsi, irendu ekonomikament.Il-vot tiegħek fit-8 ta’ Ġunju hu ferm importanti jekk verament inti trid li jirriflettu l-bżonnijiet, in-neċessitajiet tiegħek u tal-familja tiegħek.”
Għaldaqstant kompla jgħid li hemm bżonn li tiġi mtejba d-Direttiva Ewropea, li tittratta l-kunċett ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali, jiddaħħal il-kunċett ta’ sħubija mandatorja għall-ħaddiema kollha fl-unjins u jiġu riveduti l-Wage Regulations Orders ta’ pajjiżna, li llum huma liġijiet skaduti.
Dawn il-miżuri kollha għandhom jaħdmu id f’id ma’ investiment kontinwu fl-edukazzjoni u re-skilling tal-ħaddiema biex jiggarantilhom li jkunu dejjem f’pożizzjoni li jaspiraw għal opportunitajiet ta’ xogħol aħjar.
Il-kandidat Laburista temm jgħid li l-kompetittività ta’ pajjiżna tibqa’ tiddependi mil-livell u l-kwalità tal-ħaddiema tagħna.