Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin huma l-aktar pożittivi fl-Unjoni Ewropea kollha dwar l-użu tat-teknoloġija moderna, bħall-Intelliġenza Artifiċjali, fil-post tax-xogħol, konvinti li din se tħalli mpatt tajjeb, skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru.
Bit-teknoloġija tal-AI, li kważi nofs il-kumpaniji l-kbar Ewropej qed jinvestu fiha, kif qed isir ukoll f’pajjiżna kemm mill-Gvern kif ukoll mill-privat, l-Ewrobarometru jindika stampa mħallta ta’ ottimiżmu u tħassib fost is-27 stat membru.
Waqt li l-medja tal-ottimiżmu fl-Ewropa hi ta’ 66% kontra l-21% li huma pessimisti, f’Malta l-ħaddiema huma kważi 20% iżjed pożittivi, b’85%, waqt li jsegwuna hemm l-Iżvediżi u l-Litwani bi 78% u 76% rispettivament.
L-aktar diffidenti għat-teknoloġija huma l-ħaddiema Franċiżi u l-Belġjani bi 23%. Wara jiġu l-Portugiżi b’24% u t-Taljani b’25%.
Il-maġġoranza tal-ħaddiema Ewropej jemmnu li dan l-avvanz teknoloġiku qed iħalli mpatt pożittiv f’xogħolhom, iżda fl-istess ħin jibżgħu li r-robots għad jistgħu joħdulhom posthom fil-ġejjieni.
B’mod ġenerali, il-maġġoranza tal-Ewropej li wieġbu pożittivament għall-Ewrobarometru għandhom bejn il-15 u l-24 sena, għalkemm f’pajjiżna jidher li dan hu mifrux fuq il-faxex kollha tal-etajiet.
Il-Maltin ukoll irreġistraw riżultati ferm ogħla mill-medja Ewropea fil-perċezzjoni tagħhom fejn jidħol l-użu tat-teknoloġiji moderni fl-ekonomija, fil-benefiċċji soċjali, fil-kwalità tal-ħajja tagħhom privata u anke fis-soċjetà inġenerali.
Fl-Unjoni Ewropea kollha, 73% tal-irġiel iżjed mis-67% tan-nisa qalu li jqisu lilhom infushom imħarrġin biżżejjed biex jużaw l-aktar teknoloġiji riċenti, inkluż l-Intelliġenza Artifiċjali, fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.