Il-ħaddiema kollha u l-volontier Gordon Hewitt tad-Dar tal-Providenza ngħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi f’din is-sena tal-pandemija.
F’ċerimonja qasira li saret fil-Kurja fil-Furjana, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ppreżenta l-Premju lil Nadine Camilleri Cassano, li hija l-Amministratriċi tad-Dar, u lil Marieanne Abdilla u Rebecca Theuma li kienu qed jirrappreżentaw il-ħaddiema kollha.
L-Arċisqof irringrazzja lill-ħaddiema għall-ħidma siewja tagħhom, li jwettqu mar-residenti ta’ din id-Dar. Huwa ċempel lill-volontier Gordon Hewitt li qiegħed fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule u awguralu wkoll. Aktar tard, is-Sur Hewitt ingħata l-premju minn Fr Ivan Scicluna, il-Kappillan tar-Residenza San Vinċenz.
Il-ħaddiema fid-Dar tal-Providenza jammontaw għal ftit anqas minn 300 ruħ. Dawn il-ħaddiema huma mqassmin f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, il-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq.