Meta naħsbu fil-ħaddiema bħala persuni, huwa aktar faċli li nifhmu l-bżonn u d-dritt tagħhom li jkollhom ħin għalihom, ħin ta’ mistrieħ u ħin għall-familja.
Hekk qalet Dr Josianne Cutajar fi żjara li għamlet fil-kumpanija CS Technologies f’Raħal Ġdid, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għan-Nisa fl-informatika.
Il-kandidata f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, saħqet li t-teknoloġija għamlet possibbli dak li sa ftit snin ilu kien jidher impossibbli. Bl-użu tajjeb tat-teknoloġija diversi kumpaniji saru jagħtu aktar kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli li jgħollu l-kwalità tal-ħajja tal-impjegati għax jagħtuhom iċ-ċans li jorganizzaw ħajjithom skont il-bżonnijiet tagħhom.
Inqas ma niffukaw fuq il-produttivita` u aktar ma ninvestu fil-persuna, qalet Cutajar, insibu li l-persuna żżid aktar il-produttività.
Cutajar faħħret il-mudell flessibbli li tadotta CS Technologies mal-ħaddiema tagħha. Mudell li wassal biex din il-kumpanija għandha 30% tal-ħaddiema tagħha, nisa. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-bqija tal-qasam tal-informatika li 7% biss minnu huwa kompost mis-sess femminili.
Hija qabblet is-sitwazzjoni fil-qasam tal-informatika, ma’ dik fil-ħajja pubblika, li hija wkoll iddominata mill-irġiel. Cutajar sostniet li l-fatt li huma ftit in-nisa li jagħmluha fil-politika, ma jfissirx li hawn nuqqas ta’ nisa b’abbiltajiet politiċi, imma jfisser li hemm strutturi soċjali, ċirkostanzi familjari u perċezzjonijiet skorretti li rridu nindirizzaw.
F’dan id-dawl l-iżgħar kandidata f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, saħqet li r-riforma proposta mill-Gvern mhix marbuta ma’ kwoti imma hija azzjoni pożittiva b’ sett ta’ miżuri li se jġibu ugwaljanza aħjar bejn is-sessi, u impatt pożittiv fuq l-individwu, il-familja u l-persuni ta’ madwarhom, u fuq is-soċjeta` kollha li se tkun rappreżentata aħjar.
Cutajar temmet billi faħħret l-inizjattiva ta’ diversi impjegati ta’ nazzjonalitajiet diversi li qed jieħdu taħriġ fl-ilsien Malti. Hija qalet li din hija t-triq ‘il quddiem biex nassiguraw l-inklużjoni ta’ dawn il-persuni, servizz ta’ kwalita` u armonija bejn l-elementi diversi li jgħixu f’pajjiżna.