Waqt l-avveniment tal-iStar Awards, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis wera l-apprezzament tiegħu lejn is-suċċess li kisbu ħaddiema fis-settur turistiku. Din l-inizjattiva tinċentiva lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam turistiku sabiex joffru servizz ta’ livell għoli lill-klijenti u t-turisti li jżuru pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu saħaq li s-servizz huwa parti essenzjali f’din l-industrija biex b’hekk pajjiżna jibqa’ kompettittiv. Għal dan il-għan dawn il-premijiet jirrikonoxxu l-isforzi ta’ dawn il-ħaddiema li kontinawament joffru servizz tal-aqwa kwalità.
“Is-settur turistiku huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija tal-gżejjer Maltin u proprju għalhekk li qed nieħdu inizjattivi bħal dawn biex kemm jista’ jkun ninċentivaw u nipprempjaw lill-industrija kif ukoll lill-impjegati fil-qasam turistiku”, żied jgħid il-Ministru.
Il-Ministru sostna li matul din is-sena d-diskussjonijiet ser jilħqu l-qofol tagħhom sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema biex jirriflettu l-importanza ta’ tipi differenti t’impjiegi f’settur daqshekk b’saħħtu fl-ekonomija Maltija.
“Dan huwa Gvern illi jemmen fil-potenzjal tal-ħaddiem u li dan jista’ jiġi utilizzat bl-aħjar mod permezz ta’ aktar edukazzjoni u taħriġ speċjalizzat għal din l-industrija. Dan it-taħriġ huwa mmirat biex inkomplu noffru servizz xieraq lit-turisti li jżuru pajjzina”, spjega l-Ministru għat-Turiżmu.
Għaldaqstant, qed ikompli jsir investiment fl-ITS, bi pjan għal kampus ġdid sabiex din l-istituzzjoni tant importanti tkun tista’ tkompli tħarreġ studenti biex ikunu ppreparati jaħdmu bl-aħjar mod f’din l-industrija, mhux biss fis-settur tradizzjonali, bħal lukandi, iżda wkoll f’diversi niċeċ li qed ikunu attirati lejn pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu tenna li l-Gvern qed jaħdem biex kulma jmur tibqa’ titjieb l-esperjenza tat-turist, dan billi jsir investiment fil-prodott ta’ pajjiżna. Dan huwa rifless fir-records li qegħdin jinkisbu. L-2016 kienet sena record għal gżejjer Maltin, fejn żaruna żewġ miljun turist, żieda ta’ 10.5 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel li diġà kienet sena record. In-nefqa turistika telgħet għal 1.7 billjun ewro żieda ta’ 4.3% fuq l-2015, dan ifisser żieda ta’ 70 miljun ewro fuq is-sena li għaddiet.
Waqt li awgura lir-rebbieħa f’dan l-avveniment u rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-kontribut tagħhom fis-settur turistiku, il-Ministru għat-Turiżmu temm id-diskors tiegħu billi qal li s-suċċess fil-qasam turistiku huwa sforz u ħidma kollettiva mill-Gvern u mill-partijiiet interessati kollha.
Ritratt: DOI, Jason Borg