Matul is-sena li għaddiet, il-ħaddiema fl-Uffiċċju tal-President (OPR) taw 1,789 siegħa mil-leave tagħhom lill-Fond Ċentrali li jakkumula s-sigħat tal-impjegati fl-Amministrazzjoni Pubblika biex jintuża għal raġunijiet umanitarji, fosthom f’każi ta’ mard serju jew fit-tul.
Dan huwa xhieda tal-ġenerożità tal-ħaddiema fl-OPR, li minbarra l-impenn li juru lill-Malta Community Chest Fund Foundation matul is-sena kollha b’ħidma wara l-ħin tax-xogħol u kontribut finanzjarju, qed jagħtu mill-ħin tal-leave tagħhom ammont ta’ sigħat biex ikun utli għall-persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u jkunu jeħtieġu iktar jiem leave milli għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.
Is-Segretarja tal-Presidenza, Rosette Spiteri Cachia, uriet apprezzament għall-ammont kbir ta’ sigħat li ġew akkumulati mill-ħaddiema tal-OPR u qalet li flok intilfu se jintużaw minn min huwa fil-bżonn minħabba mard. Spjegat kif bosta kienu dawk li taw ġuranta jew ammont ta’ ġranet mil-leave li kien fadlilhom mis-sena l-oħra u dan se jmur f’dan il-Fond Ċentrali.
Il-President George Vella radd ħajr lill-ħaddiema għal dan il-ġest altruwist u ħeġġeġ biex iktar ħaddiema jieħdu eżempju u jagħtu l-leave lil min huwa l-iktar fil-bżonn, li l-biċċa l-kbira jintuża minħabba mard. Qal li min ikun fil-bżonn ma jkunx jeħtieġ biss fondi, iżda wkoll appoġġ b’diversi modi, fosthom iktar ħin biex dak li jkun ikopri ż-żmien li ma jkunx jista’ jirraporta għax-xogħol minħabba s-sitwazzjoni diffiċli li jkun għaddej minnha.