Kull min jaħdem fis-settur tal-proprjetà għandu sas-sbatax ta’ Settembru ċans, biex jissottometti applikazzjoni ħalli jkollu l-liċenzja meħtieġa sal-aħħar tas-sena.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni, Chris Agius, qal li l-ħaddiema fis-settur ġew avżati b’dan aktar kmieni din is-sena, u sa issa kien hemm rispons tajjeb.
Qal, “L-ammont ta’ nies li wrew intenzjoni huwa mal-elf u ħames mija diġà pero ma jfissirx li dawn għandhom dak kollu mitlub minnhom u l-appell tiegħi huwa anka dawn li għad m’għandhomx kollox minn dak mitlub, idaħħluhom online fil-website tal-bord, però mbagħad hemm oħrajn li minħabba raġunijiet jew oħra, ma resqux quddiem il-bord.”
Min ikun qed jopera mingħajr din il-liċenzja s-sena dieħla, se jkun immultat.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal kif is-settur tal-proprjetà wera r-reżiljenza tiegħu fis-sena tal-pandemija, meta kien hemm rekord ta’ konvenji ffirmati b’valur ta’ madwar tliet biljun ewro.
Għalhekk tenna li dawn il-liċenzji se jkomplu jżidu mas-serjetà li hemm bżonn biex jiġi ssalvagwardjat dan is-settur kruċjali għal pajjiżna.