“Il-ħaddiema fis-settur pubbliku għandhom sehem ewlieni biex jagħmlu minn pajjiżna post aħjar għaċ-ċittadini tiegħu.” Kien b’dan il-mod ċar li l-Prim Ministru Robert Abela tkellem fl-okkażjoni fil-ġimgħa ddedikata għas-Servizz Pubbliku bit-tema ‘Is-Servizz Pubbliku, dejjem miegħek’.
Il-Prim Ministru nnota li fl-aħħar snin sar investiment fin-nies għan-nies, u kull uffiċjal fis-servizz pubbliku huwa kruċjali biex is-servizz jingħata bl-aħjar mod.
Meta elenka għal diversi miżuri li kien hemm min qal li huma impossibbli biex jitwettqu, bħal programm ta’ seba’ mitt miljun ewro biex jinbiddlu l-uċuħ tal-pajjiż, jiġifieri t-toroq, il-Prim Ministru qal li l-uffiċjali pubbliċi jinsabu impenjati biex il-Malti u l-Għawdxin jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru li juri l-fiduċja tal-pubbliku fis-Servizz Pubbliku Malti żdiedet b’ammont sostanzjali. “Għax kellu direzzjoni ċara mill-Gvern, is-Servizz Pubbliku kien fl-aqwa tiegħu biex iwassal is-servizzi li jistrieħu fuqhom il-Maltin u jimplimenta b’mod effettiv il-miżuri mwiegħda fil-programm elettorali tal-Gvern li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna.”
Il-Prim Ministru ta ħarsa lejn ix-xogħol li sar sa mill-bidu tal-pandemija, fejn il-ħaddiema ta’ ċivil qamu għal-okkażjoni biex mhux biss iġibu lura f’pajjiżna eluf ta’Maltin li kienu jinsabu barra minn xtutna, iżda addattaw xogħolhom u sabu modi innovattivi biex iwieġbu minnufih għal ħtiġijiet ġodda “B’sodisfazzjon ngħid li l-ħaddiema fiċ-Ċivil qamu għall-okkażjoni. Ħadmu bla heda biex għenuna nimplimentaw id-deċiżjonijiet li ħadna bħala gvern biex inħarsu s-saħħa u l-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi. Biżżejjed ngħid li s-servizz tal-wieħed ħamsa tlieta waslulu medja ta’ 60 elf telefonata fix-xahar u 30 elf oħra matul ix-xhur tal-Covid-19.”