Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal kif jieħu bis-serjetà lill-Partit Nazzjonalista dwar il-qasam tas-saħħa meta jieqaf iħammeġ lill-ħaddiema u lill-professjonisti fil-qasam, għall-iskopijiet partiġġjani tiegħu.
Qalu kif huwa aħjar li kieku l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista minflok itellgħu konferenzi tal-aħbarijiet b’ċifri skorretti u bbażati fuq stqarrijiet selettivi ta’ terzi, iwieġbu dwar konferenza tal-aħbarijiet xprunata minn fake news li fiha komplew joħolqu furur u rabja kontra persuni li jagħtu ħajjithom favur servizz tas-saħħa ta’ kwalità lill-poplu Malti u Għawdxi.
Komplew billi jgħidu kif il-Partit Nazzjonalista qed juża s-soltu tattika ta’ partit li mal-mument li jara opportunità li jirkeb fuq sitwazzjonijiet populisti, jaqa’ fi stat ta’ dillirju mingħajr lanqas biss jikkonferma l-fatti. Dan kollu qed isir biex l-allegazzjonijiet li kkwota ġew imxejjna mill-Qorti, fejn anke hawn, il-Partit Nazzjonalista ma dehrlux li għandu jikkwota x’qalet il-Qorti f’dan ir-rigward, għax fejn jaqbel lilu biss jagħmel hekk.
Ikkonkludew billi qalu kif il-Partit Laburista ma jieħu xejn b’sorpriża għax dan hu aġir sintomatiku ta’ Partit Nazzjonalista li għall-qasam tas-saħħa jibqa’ ma jipprovdix soluzzjonijiet.