Charles Grixti huwa l-infermier li ħa l-Premju Ħaddiem tas-Sena f’San Vinċenz de Paul.
Dan f’ċerimonja li saret m’ilux.
L-infermier huwa deskritt mill-anzjani u l-kollegi tiegħu bħala raġel dedikat f’xogħlu.
Ħidmietu ġġib bosta sfidi, partikolarment meta l-pazjenti huma mdaħħlin sew fl-età.
Dan l-istazzjon żar Sala Madre Tereża f’San Vinċenz, fejn hemmhekk iltaqa’ mal-infermier Grixti, li spjega magħna l-ħidma ewlenija tiegħu.
Qal, “Hija sfida li tinbidel kuljum, hawnhekk f’din il-ward għandna 36 pazjent. L-anzjani dejjem huma pazjenti li jkollhom ħafna problemi, mhux bħal meta żagħżugħ kiser siequ m’għandux problemi aktar, imma l-anzjani jekk ikollu fracture ikollu ħafna problemi oħra, allura rridu noqogħdu aktar attenti.”
Grixti imbagħad qalilna li xogħlu jagħtih sodisfazzjon kbir u wara kull jum ta’ ħidma jħossu kuntent.
Spjega, “Ikollok pazjent ikun għaddej minn żminijiet ħżiena, ikun depressed, meta jiftakar kemm kien b’saħħtu meta kien id-dar, kien fully-independent, kien igawdi d-dinjità tiegħu, kien juża t-toilet għalih, kien jorqod forsi mal-mara u hawnhekk isib ruħu f’kamra mdawra b’nies barranin. Allura aħna rridu nippruvaw nakkomodaw dawn il-problemi biex meta niġbruhom flimkien u hekk l-anzjan iħossu komdu. Jien meta nara dik it-tbissima tal-anzjan għaliha dik it-tbissima hija biżżejjed li tibgħatni d-dar b’moħħni mistrieħ.”
L-infermier qalilna kif l-anzjani jkunu jridu ambjent ta’ dar, partikolarment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Qal, “Hawnhekk ħafna anzjani jkunu jixtiequ li jżommu l-ambjent tad-dar, eżempju issa ż-żmien il-Milied talbuni biex iġibu l-bambin tagħhom biex iżżejjen, min irid is-siġra tal-Milied tiegħu, sakemm ma jostakolawx l-ambjent u ma jkunux ta’ periklu għal ħaddieħor, jien nipprova ngħinhom biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.”
F’San Vincenż Charles Grixti huwa maħbub minn kulħadd u dan jixhdu anke l-mod kif jitkellem u jiċċajta mal-anzjani u qrabathom.