Nhar il-Ħadd li ġej waqt l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista se toħroġ sejħa għal min huwa interessat jikkontesta l-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sa issa huwa biss Bernard Grech li wera l-interess.
Fil-fatt ftit tal-ħin wara li sar magħruf li tilef l-elezzjoni ġenerali, Grech kien qal li hu jrid jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u se jfittex biss il-konferma.
Kemm il-darba hu biss jikkontesta u jiġri bħal ma ġara fl-2012, meta Lawrence Gonzi kien tellaq waħdu, huma biss il-kunsilliera li jivvutaw u t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu b’xiber imnieħer u jitilfu ċ-ċans li jivvutaw għal Kap tal-partit.
Fi stqarrija llejla l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qal li ġew maqbula r-regolamenti li se jwasslu għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Intqal li nhar il-Ħadd se jitkellmu fost oħrajn il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino.