Nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Settembru, il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu se jkun qed itella’ maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-ħidma li qed jagħmel f’għadd ta’ proġetti missjunarji fl-Afrika.
Aktar dwar l-iskop ta’ dan il-moviment missjunarju kellimna d-Direttur tal-moviment, Fr Alex Cauchi.
“L-iskop oriġinali ta’ dan il-moviment, meta waqqfu Dun George, kien li jipprova jgħin lil dawn it-tfal li huma ħafna u ħafna inqas ixxortjati minna. Għalina qatt ma ninkwetaw li, pereżempju, m’għandniex ilma u rridu mmorru ma nafx kemm mili biex inġibu l-ilma … qatt ma jgħaddilna minn moħħna dan.”
Il-ħidma ta’ dan il-moviment missjunarju hu li jagħti ħajja dinjituża lil tfal ’il bogħod minn pajjiżna biex, wara li jkollhom l-aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi ta’ kuljum, anke jibdew it-triq edukattiva tagħhom.
Fil-fatt, dan il-moviment bena u għadu qiegħed jibni skejjel għal tfal t’etajiet żgħar biex ikollhom opportunità aħjar li jidħlu f’istituzzjonijiet edukattivi tal-istat.
Cauchi jispjega kif l-ewwel missjonijiet ta’ dan il-moviment bdew fil-Brażil, iżda issa mxew lil hinn fuq ix-xewqa tal-istess fundatur, Fr George Grima.
“Imma, imbagħad, meta mess ir-realtà tal-Afrika, b’mod speċjali l-Etjopja u l-Kenja, ħass il-bżonn li għandu jgħin ħafna aktar hemmhekk u, fil-fatt, illum fil-preżent, imma anke minn żmien Dun George, li se jagħlaq seba’ snin mejjet f’Settembru, ħass li jgħin ħafna aktar l-Etjopja u bena ħafna skejjel hemmhekk.”
Il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu pparteċipa wkoll fi proġetti oħrajn, fosthom fil-Pakistan, il-Gwatemala u anke fil-Perù.
Fr Cauchi temm jappella lill-pubbliku biex itenni l-ġenerożità tiegħu u jagħmel il-kontribuzzjoni għal dan il-għan, żgħira kemm hi żgħira.
“Agħti mill-qalb biex inti tgħin lil xi ħadd li ma tafux, imma li aħna naraw lil Ġesù f’wiċċu.”
Il-linji tad-donazzjonijiet huma diġà miftuħin.
BOV mobile – 7985 3611
51702004 €15
51802005 €25
SMS – 50618933 €6.99