Għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex nhar il-Ħadd il-Partit Laburista jorganizza l-maratona ta’ ġbir ta’ fondi li ssir kull sena f’Diċembru, u li tixxandar fuq ONE.
Il-maratona tal-ġbir ta’ fondi għandha għaddejja ġurnata sħiħa, b’bosta attivitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin.
ONE News tkellem mal-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, li spjegat li l-poplu Malti jaf li għal kull ewro li jinvesti fil-Partit Laburista, dan imbagħad iroddu lura b’viżjoni u b’riżultati għall-pajjiż.
“Il-Partit Laburista, kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni, dejjem kien l-ixprun sabiex f’dan il-pajjiż iseħħu r-riformi li għandna bżonn. Għaliex hemm bżonn ir-riformi? Għaliex inkella ma jiġux indirizzati l-bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għalhekk il-poplu Malti u Għawdxi jaf li, meta se jinvesti fil-Partit Laburista, qed jinvesti sabiex tkompli sseħħ il-bidla li tant hi meħtieġa għal dan il-pajjiż.”
Ramona Attard għamlet l-appell tagħha biex kulħadd jingħaqad mal-Partit Laburista fi-ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex jagħti l-kontribut tiegħu.
“L-appell tiegħi hu li, l-ewwel ħaġa, kulħadd jiġi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Il-bibien tagħna miftuħin, nieħdu gost għax din hija okkażjoni wkoll fejn niċċelebraw mhux biss l-attiviżmu politiku imma wkoll, issa li ninsabu fl-istaġun tal-Milied, tkun okkażjoni verament sabiħa u kulħadd mill-ftit li jista’ jikkontribwixxi.”