L-istaġun tal-kaċċa għas-summiena ser jiftaħ l-Ħadd l-1 ta’ April, 2018 u jagħlaq is-Sibt 21 ta’ April, 2018.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri saħaq fuq l-importanza tal-infurzar strett waqt dan il-perjodu, inklużi spot-checks, kif mitlub mill-Qafas Regolatorju LS 549.57 li jesiġi, fost affarijiet oħra, li t-tali infurzar għandu jibqa’ għaddej kemm wara nofsinhar matul l-istaġun kif ukoll wara li jagħlaq l-istaġun mit-22 ta’ April ’il quddiem. Dan sabiex jiġi assigurat li l-kaċċa issir biss fuq is-summiena u fuq l-ebda speċi oħra u sabiex ma sseħħ l-ebda forma ta’ illegalità.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri jfakkar li l-moratorju li jipprojbixxi l-kaċċa fuq il-gamiema, kif ippubblikat permezz tan-Notifika tal-Gvern Nru. 538 tal-2016, għadu fis-seħħ u li għaldaqstant il-kaċċa għall-gamiema hija limitata biss għax-xahar ta’ Settembru. Is-Segretarju Parlamentari jappella lil kull kaċċatur sabiex jimxi b’mod strett mal-kundizzjonijiet kollha tal-liċenzja speċjali li ser jirċievi fil-jiem li ġejjin, inkluż l-obbligu li jirrapporta immedjatament kull summiena li jaqbad.
Clint Camilleri qal li l-Pulizija ser ikunu qegħdin jassiguraw li l-ebda illegalità ma sseħħ. Għaldaqstant, filwaqt li f’kull ħin ser jiġi assigurat l-infurzar minimu skont it-tabella mehmuża kif mitlub mil-liġi, l-uffiċjali tad-WBRU ser ikunu wkoll on the ground sabiex jassistu fl-infurzar.