Nhar il-Ħadd li ġej il-Kunsill Lokali Ħamrun se jorganizza the Santa’s Bike Ride. L-idea ta’ din il-bike ride hija li s-sewwieqa ta’ muturi b’żewġ roti jilbsu ta’ Father Christmas u flimkien jingħaqdu u jduru mat-toroq ta’ bosta lokalitajiet.
L-għan ta’ din il-bike ride hija li flimkien niċċelebraw il-Festi tal-Milied, filwaqt li titqajjem kuxjenza għas-saħħa u sigurta’ tal-bikers u jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Marigold. Fil-fatt ir-riders huma mitluba jirreġistraw b’donazzjon ta’ € 10 li se tmur kollha b’risq din il-Fondazzjoni.
Din l-attività se jkollha l-bidu tagħha fid-9.30a.m. quddiem Daniel’s Shopping Complex fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Minn hemm se jitilqu fl-10.00a.m. minn Triq il-Kbira San Guzepp għal Triq Nazzjonali, Triq Sant Anna Floriana, Triq l-Assedju l-Kbir, Triq Marsamxett, Triq San Bastjan, Triq l-Ixprun, Triq il-Mediterran, Triq is-Sur ta’ Santa Barbara, Triq San Anton, Xatt ta’ Lascaris il-Belt Valletta, Xatt Pinto, Xatt l-Ghassara tal-Gheneb, Moll ic-Cangatura, Triq Dicembru Tlettax, By Pass Hamrun, Triq Hal Qormi, Triq Manwel Dimech, Triq l-Imdina ghal Triq l-Imdina (Haz-Zebbug), Triq l-Imdina Rabat, ghal Triq l-Imdina H’Attard, Triq l-Imdina Birkirkara ghal Triq il-Kbira San Guzepp, Sta Venera għal Triq il-Kbira San Guzepp il-Hamrun.
Wara se jkunu qed jerġgħu quddiem Daniel’s Shopping Complex fejn se tiġi ppreżentata s-somma miġbura lir-rappreżentanti ta’ Marigold Foundation. Se jkun hemm ukoll divertiment għall-familja kollha permezz ta’ kant, żfin, ikel u xorb ġewwa l-istabbiliment Daniel’s Shopping Complex.
Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun xtaq jirringrazzja lil kull min b’xi mod kien ta’ għajnuna biex issir din l-attività fosthom lill-inmates tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li fuq bażi volontarju ħolqu bandanas li se jkunu qed jilbsu l-bikers li se jipparteċipaw f’din l-attività.