Fl-10.00 l-Ħadd jibda s-sorting tal-voti fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. Voti li se jkunu qed jiddeterminaw min se jkun qed imexxi lill-pajjiż. Huma 341,856 persuna li huma eliġġibli għall-vot f’Malta u Għawdex, vot li jista’ jinġabar sa għada l-Ħamis f’nofsillejl miċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar jew mill-uffiċju tal-ID cards f’Għawdex. Fadal biex jinġabru 10,361 vot.
Għada se jkunu qed jivvotaw il-pazjenti ta’ erba’ sptarijiet: Mater Dei, Karen Grech, Mount Carmel u l-isptar ta’ Għawdex flimkien ma’ 3861 assistent tal-kummissjonarji elettorali. Sa issa ivvottaw l-anzjani li jgħixu f’dar tal-anzjani u dawk li vvottaw qabel għaliex nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju se jkunu qed imsiefrin jew se jkunu qed jagħmlu xi intervent mediku. Mid-djar tal-anzjani vvottaw 2,713 anzjan minn 3,131 anzjan eliġibbli. Minn dawk li vvottaw kmieni, ivvottaw 4,173 minn 4,250 eliġibbli.
Madwar Malta u Għawdex se jkun hawn 608 polling boot, li f’din l-elezzjoni se jkunu differenti minn dawk tas-soltu hekk kif se jkunu strutturi magħmulin mill-kartun. Polling boot li fiha se jivvotta l-elettorat, li t-turnout ta’ kemm persuni minn dawk eliġibbli ħarġu jivvottaw se jkun qed joħroġ fil-23.00 tas-Sibt dan permezz ta’ sistema ġdida ta’ kif dan jinħadem. Dan wara li fl-22.00 jibdew jinfetħu l-kaxxi tal-voti.
L-għadd tal-voti se jkun irrekordjat kollu b’sistema ta’ kameras li ġew installati. Għadd tal-voti li se jkun qed isir l-aħħar darba b’mod manwali dan hekk kif mill-elezzjoni li jmiss, l-għadd tal-voti se jkun qed isir b’mod elettroniku.