Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Hekk ta’ spiss ngħidu meta nkunu f’sitwazzjoni diffiċli u jirnexxielna naqilbu l-paġna u nkomplu għal għonq it-triq tal-ħajja.
Hekk ukoll iħossuhom dawk li xi darba jew oħra xellfu diffrejhom mal-ġustizzja u rnexxielhom jirriformaw irwieħhom.
Chris Ryan, żagħżugħ ta’ 23 sena, ħadna lura sitt snin, meta kien mirkub mill-vizzju tad-droga.
Meta kellu biss 17-il sena, weħel sentenza ta’ erba’ snin u nofs ħabs, li żdiedet għal sitt snin minħabba każijiet ta’ serq.
Ma’ ONE News qal li għall-bidu ma riedx jaċċettaha, u stqarr li l-ħabs ħadlu l-identità tiegħu.
“Biex tgħixu l-ħabs, trid tara kif ħa tqum kuljum, kif ħa tgħix, kif ħa taffaċċja lin-nies, kif ħa tigdeb, how to survive, dak huwa l-ħabs.”
Iż-żagħżugħ qasam is-sentiment ta’ xokk qawwi li ħass hekk kif rifes l-għatba tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u tkellem dwar ġurnata tipika fil-ħabs.
“Mejta, m’hemm xejn x’tagħmel. Għamilt sentejn ġo division partikolari. Kuljum bilqiegħda fuq taraġ ma nagħmlu xejn ħlief li niġġieldu dik kienet l-unika thrill li inti tħossok inti li għadek b’saħħtek. Biex tikkonvinċi lilek innifsek li għadek b’saħħtek, trid tiġġieled. Dik hija parti mill-ħabs kif iġiegħlek taħseb.”
Iżda bħalma wara kull lejl imdallam tisbaħ ġurnata ġdida, hekk ukoll hemm sens ta’ tama għall-ħabsin li jirrealizzaw li żbaljaw u jiddeċiedu li jfittxu l-għajnuna.
B’ton perseveranti, iż-żagħżugħ elenka l-ħidma li saret miegħu fl-aħħar sentejn minn RISE. Dar residenzjali li fetħet il-bibien tagħha f’April tal-elfejn u sittax. Chris kien fost l-ewwel priġunieri li sabu kenn fiha.
L-għajnuna li toffri din id-dar tinkludi sensiela ta’ laqgħat ma’ social workers, psikologi u tħejjija biex jidħol lura fid-dinja tax-xogħol.
Chris qal li l-għajnuna li sab kienet waħda ħolistika, u spjega kif wara dan kollu, irrealizza li għalkemm il-ħabs ħadlu ħafna, għallmu wkoll kif għandu jagħraf lil min jista’ jafda.
“Għamilt ħafna żmien waħdi. Lil tal-familja ma ttihomx tort għax xi kultant trid tkun daqsxejn iebes għax jekk dejjem naħdmu biż-żiżi ma titgħallem qatt. Biex titgħallem trid tmiss il-qiegħ u hemmhekk tibda tapprezza vera x’għandek f’idejk għax bħalma ngħidu x’ħin titilfu l-oġġett tkun taf xi tlift.”
Wara ħames snin ħabs u sena programm ta’ rijabilitazzjoni, Chris issa ilu sena li rriforma ruħu u jinsab lura fid-dinja tax-xoħgol.
B’sodisfazzjon innota kif l-ewwel pass għall-fejqan huwa li ssir tħobb lilek innifsek biex titgħallem tħobb lil ħaddieħor, u appella biex dak li jkun ma jaqtax qalbu.