Ir-reġjuni tal-periferija u l-gżejjer fi ħdan l-Unjoni Ewropea jaqblilhom ikomplu jżommu l-kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni, issa li r-regoli tal-Unjoni diġà naqsulhom mill-kompetittività tagħhom. Il-kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew qal dan waqt mozzjoni dwar il-preparamenti tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għas-sena 2017, imressqa b’mod konġunt mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D), il-Partit Popolari (PPE) u l-ALDE.
Dr Sant astjena fil-vot finali ta’ din ir-riżoluzzjoni u vvota kontra referenzi favur l-armonizzazzjoni fuq livell Ewropew ta’ oqsma relatati mat-taxxi. Dr Sant astjena wkoll fuq referenzi għall-involviment tan-NATO fil-kuntest tal-politika ta’ sigurtà u difiża komuni tal-Unjoni Ewropea.
“Nista’ nirrepeti dak li għedt is-sena l-oħra dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena 2015. Huwa tajjeb li l-pjan jelimina l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, filwaqt li jeżiġi ppjanar aggressiv fil-ħlas tat-taxxi mill-korporazzjonijiet multinazzjonali. Miżuri li b’mod trasparenti u konsistenti jfittxu li jiksbu dan l-għan f’kuntest ġust huma mixtieqa ħafna”.
Dr Sant qal li tinħoloq problema serja meta l-miżuri maħsuba jmorru lil hinn mill-iskop ewlieni tagħhom u jħajru l-armonizzazzjoni tat-taxxi. “Dan imur kontra l-interessi tar-reġjuni fil-periferija tal-Ewropa u tal-gżejjer li għandhom riżorsi limitati. Meta dawn ir-reġjuni adottaw ir-regoli Ewropej, kellhom ineħħu fost oħrajn, it-tariffi li jipproteġu l-kummerċ, adottaw taxxi fuq il-konsum li jimxu fuq mudelli kontinentali, neħħew l-għajnuna tal-istat, adottaw regoli ibsin fuq il-budgets tagħhom u abbandunaw l-awtonomija fir-rati tal-kambju. Dan kollu naqqas b’mod drastiku l-kompetittivita` tagħhom. L-uniku element li għad fadlilhom biex jikkompetu, u tajjeb li jħarsuha sewwa, hija l-kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni.”
L-Ewroparlamentari Malti qal li din ir-riżoluzzjoni tapprova bażi ta’ taxxa konsolidata komuni, taxxa tat-transazzjoni finanzjarja u rata ta’ taxxa effettiva minima fuq il-korporazzjonijiet. “Fiċ-ċirkostanzi preżenti, dawn il-proposti jammontaw għal pass sostanzjali favur l-armonizzazzjoni. Dan huwa ta’ dannu għall-iżvilupp tal-gżejjer u r-reġjuni li jinsabu fil-periferija tal-Ewropa. Ma nistax napprovahom.” irrimarka Alfred Sant.
Ir-Riżoluzzjoni konġunta għaddiet b’417 vot favur, 209 kontra u 78 astenzjoni. Il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin l-oħra kollha vvotaw favur din ir-riżoluzzjoni.