Il-gżejjer Maltin se jkunu qed jidhru f’diversi episodji tal-programm popolari Taljan Melaverde. Programm televiżiv li jidher fuq l-istazzjoni Canale 5 kull nhar ta’ Ħadd. Il-programm daħal fl-20 staġun tiegħu, programm li jarawh madwar żewġ miljun ruħ.
Il-crew tal-produzzjoni, taħt it-tmexxija tal-ko-preżentatriċi Ellen Hidding kien f’Malta biex jirrekordja tliet episodji separati ta’ dan il-programm li se jkunu qed jidhru f’Settembru. L-episodji se jkun jisimhom ‘La Perla del Mediterraneo’ u t-‘Tra cavalieri ed agricoltura’, bl-episodji finali jkun ‘Le Isole Maltesi’.
Matul il-ġimgħa li qattgħu f’pajjiżna, ġimgħa organizzata mill-Awtorità Maltija għat-turiżmu, l-crew ta’ dan il-programm iffilmjaw f’diversi lokalitajiet f’pajjiżna. Fosthom f’Marsaxlokk, il-Birgu, il-Barakka ta’ Fuq, f’bosta lokalitajiet Għawdxin kif ukoll fuq Kemmuna.
Il-programm jinkludi intervisti mal-Ministru għat-turiżmu Konrad Mizzi, l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kif ukoll ma ‘diversi esperti fil-qasam tal-wirt kulturali, l-agrikoltura, is-sajd, gastronomija u oħrajn. Id-Direttur tal-Awtorità għat-turiżmu Maltija għall-Italja, Claude Zammit Trevisan, kien ukoll intervistat fuq dan il-programm.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Paul Bugeja saħaq dwar l-importanza ta’ din it-tip ta’ publiċità għall-gżejjer Maltin.
“L-Awtorità għat-Turiżmu Maltija dejjem tkun qed tfittex opportunitajiet biex tippromwovi l-gżejjer tagħna fuq il-midja internazzjonali. Melaverde huwa eżempju eċċellenti ta’ kif dan jista’ jinkiseb permezz ta’ programm ta’ viżibilità tajba li juri xi wħud mill-attributi l-aktar b’saħħithom tal-gżejjer tagħna mill-perspettiva turistika.”
Melaverde huwa programm televiż Taljan li nibet minn idea ta’ Giacomo Tiraboshi. Fil-bidu kien imxandar fuq Rete 4 iżda fl-2012 beda jiġi mxandar fuq Canale 5. Il-programm rebaħ diversi premijiet u huwa mmexxi mill-ġurnalist u kittieb Taljan Edoardo Raspelli.
Wara li jiġu mxandra fuq it-televiżjoni, l-episodji ta’ Malta se tkun tista’ tarahom onlajn fuq:
http://www.video.mediaset.it/programma/mela_verde/melaverde.html