Mewġa ta’ kesħa minn fuq ir-Russja waslet Malta tul il-jum tas-Sibt, fejn wara jiem ta’ bnazzi, il-gżejjer Maltin qed jesperjenzaw tmiem il-ġimgħa mill-aktar xitwi.
Il-maltempata mistennijja tkompli tippersisti sat-Tnejn li ġej, u l-pubbliku qed ikun imwissi jsuq b’aktar attenzjoni mis-soltu minħabba ammont ta’ silġ li niżel fit-toroq Maltin.
Il-koordinatur tal-paġna it-Temp Madwarna, Samuel Cutajar, spjega li matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, it-temperatura mistennija tinżel għal kważi erba’ gradi celcius, u li r-riħ se jkun ilaħħaq il-Forza 8 l-Ħadd filgħodu.
Samuel Cutajar. Mit-Temp Madwarna qal: “Kellna ħafna mewġiet ta’ kesħa din is-sena. Mhux komuni ħafna li jkollna kesħa daqshekk intensiva, imma se tkun fuq perjodu qasir. Malli jgħaddi dal-weekend it-temp jerġa’ jsir orrajt ħlief għal xi ħalbiet tax-xita t-Tlieta.
Minħabba l-Grigalata li mistennija tolqot il-gżejjer Maltin il-Ħadd li ġej, Cutajar wissa biex persuni li joqgħodu viċin tal-kosta jżommu kullimkien magħluq, u biex nevitaw ix-xtut.
Huwa kompla billi qal: “Irid ikun hemm attenzjoni massima lejn in-naħa tal-portijiet, jiġifieri Tas-Sliema, il-Belt Valletta, dawk in-naħat tan-naħa tal-grigal. Għal ftit ħin il-maltemp jista’ jevolvi f’xi ħaġa oħra u Malta kapaċi tkun fl-epiċentru ta’ dan it-tip ta’ maltemp”.
Intant, il-maltemp kapaċi jħassar xi attivitajiet li hemm pjanati għal tmiem din il-ġimgħa.