Għalkemm dan l-aħħar it-temp qishu nbidel ftit b’xemx li ssaħħan, minn nhar is-Sibt dan mistenni jinbidel. Filwaqt li fl-aħħar jiem it-temp fuq il-gżejjer Maltin se jkun b’temperaturi ogħla mill-medja staġjonali, din is-sħana mhix se ddum wisq.
Is-sit li jbassar it-temp, FirstMalta, rrapporta kif il-massa tas-sħana se tersaq lejn il-Lvant tal-Mediterran u minflok se tidħol arja kiesħa li oriġinat mill-Artiku. Dan se jwassal sabiex riħ, temperaturi iktar friski, temp ġeneralment imsaħħab u b’ħalbiet tax-xita jilħqu lil gżejjer Maltin fil-ġranet ta’ wara nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu.Filfatt l-aħħar indikazzjonijiet mit-tbassir tat-temp qed juru li Is-Sibt 17 ta’ Marzu r-riħ se jilħaq lil gżejjer Maltin b’qawwa ta’ Forza 6, filwaqt li r-riħ Punent jilħaqna l-Ħadd 18 ta’ Marzu b’qawwa ta’ Forza 5 għal 6.
It-temp se jissaħħab ukoll xi ftit iktar minn nhar il-Ħadd u f’xi jiem mill-ġranet ta’ wara se nkunu qed nistennew ukoll xi xita fuq il-gżejjer Maltin. Indikazzjoni ċara li t-tieni nofs ta’ Marzu mistenni juri li x-Xitwa fadalla xi ftit x’toffrilna qabel tidħol ir-Rebbiegħa.
It-temperaturi fi tmiem il-ġimgħa mistennija jilħqu l-ogħla ta’ 18C u l-inqas madwar it-13C, filwaqt li minn nhar it-Tlieta 20 ta’ Marzu nistennew temperaturi li jilħqu s-16C u l-10C mal-lejl.