Il-General Workers’ Union u Transport Malta ffirmaw ftehim kollettiv għal żewġ sezzjonijiet: Vessel Traffic Services u Flag & Port State Inspectors. Dawn il-ftehimiet kollettivi huma għall-perjodu bejn l-2016 u l-2020.
Il-ftehim għall-Vessel Traffic Services ikopri l-kundizzjonijet tax-xogħol kemm tal-uffiċjali u s-supervisors. Billi filwaqt li jkompli jibni fuq ta’ qablu qed itejjeb il-kundizzjonijiet tal-pagi u jintroduċi gradi ġodda bħal VTS trainee bil-għan li dawn jibbenifikaw minn programmi speċifiċi ta’ taħriġ.
Il-ftehim kollettiv il-ġdid jikkonsolida l-impenn qawwi li Transport Malta għandha biex trawwem u ssaħħaħ il-ħiliet tal-ħaddiema u biex tkompli tħajjar aktar ħaddiema li jixtiequ karriera mal-VTS fi ħdan id-Direttorat tal-Portijiet.
Il-ftehim kollettiv għall-Flag & Port State Inspectors huwa l-ewwel ftehim għall-ħaddiema ta’ din is-sezzjoni teknika. L-għan ewlieni ta’ dan il-ftehim hu li jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi prinċipali fl-Inspectorate Unit u biex itejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi. Dan il-Ftehim Kollettiv jintroduċi wkoll grad ġdid, dak ta’ Junior Flag & Port State Inspector li se jipprovdi opportunità lill-impjegati li jixtiequ karriera fil-Flag & Port State Inspectorate fi ħdan id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili.
Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU Charlie Galea jistqarr li dawn il-ftehimiet ikomplu jixhdu r-relazzjoni tajba u l-kollaborazzjoni li hemm bejn iż-żewġ naħat li qed twassal biex jikber l-għarfien dwar il-ħiliet tal-ħaddiema u l-ħtieġa li jinħolqu aktar opportunitajiet li fihom wieħed jista’ javvanza u jtejjeb il-karriera tiegħu.
Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem l-impjegati mis-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Charlie Galea u minn James Piscopo Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta.