F’laqgħa li saret bejn il-General Workers’ Union u l-UĦM Voice of the Workers ma’ rappreżentanti tal-organizzazzjoni volontarja Visual Non Visual Network, ġie diskuss kif in-nies neqsin mid-dawl u mill-vista jistgħu jingħataw aktar appoġġ fis-soċjetà tagħna.
Żewġ rappreżentanti tal-organizzazzjoni li huma neqsin mid-dawl spjegaw kif VNVN qed toffri taħriġ qasir lill-kumpaniji li juru interess li jgħinu aktar lill-persuni neqsin mid-dawl u mill-vista.
Fosthom semmew eżempji żgħar bħal meta jiġu mitluba jimlew paġni sħaħ ta’ formoli mingħajr sistema tal-Braille. Dawn il-formoli jistgħu jiġu ssimplifikati biex inaqqsulhom mill-kumplikazzjonijiet.
Bl-iskop li jifhmu aħjar id-diffikultajiet ta’ persuni neqsin mid-dawl u mill-vista, ir-rappreżentanti tal-GWU u l-UĦM kienu mitluba jiffirmaw karta b’għajnejhom magħluqa.
“Mill-banda l-oħra, aħna għandna wkoll il-kapaċitajiet tagħna, u għalhekk nixtiequ niġu integrati fl-oqsma relatati. Iżda l-ewwel u qabel kollox biex niġu integrati, in-nies hemm barra jridu jitgħallmu jifhmu s-sitwazzjoni tagħna u jaraw kif l-aħjar jinkluduna. B’hekk ningħaqdu fid-diversità,” qalet Bridget Micallef, li taħdem bħala tajpista fil-Parlament ta’ Malta.
Ir-rappreżentanti tal-GWU u l-UĦM qablu li bħala trejd unjins jifhmu u jaqblu mal-għan tal-VNVN li qed taħdem biex tinħoloq soċjetà li tapprezza u tappoġġja dawn il-perspettivi uniċi u jinħoloq ambjent inklussiv. Offrew ukoll li jikkollaboraw ma’ din l-organizzazzjoni biex flimkien ikomplu jagħtu l-appoġġ totali tagħhom lill-persuni neqsdin mid-dawl u mill-vista.