F’laqgħa bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-Association for Outsourcing and Temping Agencies (AFTA) fil-Workers’ Memorial Building ġiet diskussa s-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż tax-xogħol b’rabta mal-ħaddiema barranin li ġejjin minn pajjiżi terzi u l-Malta Labour Migration Policy mnedija fl-aħħar jiem mill-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika.
Iż-żewġ naħat qablu dwar it-tnedija tad-dokument importanti, hekk kif tinħass il-ħtieġa li jkun hawn miżuri u inforzar biex jinqata’ l-isfruttament minn ħaddiema Maltin u barranin, kif ukoll il-ħtieġa ta’ aktar prattiċi regolati li jsarrfu f’ħaddiema ta’ kwalità, xogħol ta’ kwalità u industrija aktar responsabbli u sostenibbli.
Huma ddiskutew ukoll proposti bil-ħsieb li flimkien jikkollaboraw fuqhom, inkluż it-taħriġ, il-prattiċi ta’ xogħol sostenibbli, ix-xogħol dinjituż u paga xierqa, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu mniżżlin f‘id-dokument tal-politika tax-xogħol f’din il-politika proposta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, akkumpanjat mid-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u s-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, Kevin Abela, aċċenna dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li kellha l-amministrazzjoni tal-GWU mal-Ministru responsabbli Byron Camilleri qabel ma tnediet din l-inizjattiva tal-Gvern.
“Aħna ddiskutejna ċerti proposti mal-Ministru, li wħud minnhom jinsabu proprju fid-dokument. Nemmnu li f’pajjiżna jeħtieġ inforzar u aktar spezzjonijiet. Mhuwiex denju li ħaddiem tużah u tarmih skont l-esiġenzi tiegħek.. Għalhekk ninsistu fuq il-ħtieġa ta’ sħubija awtomatika fi trejdunjin,” qal Josef Bugeja.
Il-President tal-AFTA, Fabio Muscat, qal li hu ta’ pjaċir li din l-assoċjazzjoni ġiet stabbilita u mnedija uffiċjalment biex tirrappreżenta lill-kumpaniji interessati li jagħmlu parti mill-industrija tal-outsourcing u t-temping – industrija li għandha rwol vitali fl-ekonomija Maltija.
Qal li, bħala assoċjazzjoni, jinsabu kuntenti bit-tnedija ta’ din il-politika tax-xogħol, madankollu huma ma jaqblux ma’ wħud mill-proposti mniżżlin, proposti li ddiskutew flimkien mal-GWU. “Nemmnu li permezz ta’ dan id-dokument se jkollna aktar kwalità fuq il-kwantità. Meta wieħed qed jinforza u qed jinvesti fi training, fid-dixxiplina u jimxi mar-regolamenti dan awtomatikament se jwassal għall-kwalità,” żied jgħid Fabio Muscat.
Issemmiet ukoll l-introduzzjoni tal-leġislazzjoni biex il-ħaddiema tal-kuntrattur li jagħmlu l-istess xogħol bħall-ħaddiema li jaħdmu b’mod dirett ma’ min iħaddem, jitħallsu l-istess paga. Tema li flimkien qablu li jeħtieġ li jiddiskutu flimkien aktar fil-profond.
Għal din il-laqgħa flimkien mal-President tal-Assoċjazzjoni attendew Charlotte Sant Portanier – Viċi President, Karl Schranz – Segretarju Ġenerali, Claudine Ellul Sullivan – Teżorier u Daniel Coppini , Timothy Zammit, Sasha Cachia, Edward Chetcuti u Dorian Tanti bħala membri tal-Kunsill.