Il-General Workers’ Union appellat għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema li għandhom sengħa fil-kapaċitajiet tagħhom, flimkien ma’ miżuri aktar b’saħħithom għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.
Stqarrija mit-trejdunjin irreferiet għall-inċident fatali tas-Sibt li għadda u qalet li wara li “ftit tal-ġranet ilu tlifna ħaddiem Albaniż ta’ 51 sena wara li ġġarraf saqaf ta’ dar f’Tas-Sliema hekk kif flimkien ma’ ħaddiem ieħor Albaniż, kienu qed jaħdmu ġewwa residenza li fiha kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni … tkompli tisħaq dwar il-ħtieġa li jissaħħu kemm jifilħu l-miżuri għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Li jkunu osservati r-regoli li qed jidħlu fuq l-iSkills Card.”
Skont l-awtoritajiet kompetenti, ix-xogħlijiet kienu qed isiru fuq ġewwa tal-proprjetà u mingħajr il-permessi meħtieġa.
Il-GWU enfasizzat ukoll fuq il-ħtieġa ta’ inforzar fuq kull min qed jikser il-liġi u jabbuża minn persuni barranin li jiġu f’pajjiżna b’ambizzjonijiet ta’ xogħol u futur, u minflok jintużaw billi jitħaddmu f’postijiet tax-xogħol li jistgħu jkunu ta’ periklu għalihom hekk kif ma jkunux imħarrġin f’dak ix-xogħol partikolari.
“F’Malta m’għandniex bżonn kwantità, imma kwalità. Ħaddiema mħarrġin li jikkontribwixxu fl-ekonomija ta’ pajjiżna u għalhekk jiswa li jkun hemm tqabbil bejn il-ħiliet meħtieġa mill-kumpaniji f’Malta u ħaddiema xierqa li jiġu reklutati minn barra pajjiżna. Dan se jissalvagwardja l-interess tal-ħaddiema u jitħaddmu fl-impjieg skont il-kapaċitajiet tagħhom,” saħqet il-GWU.