Il-General Workers’ Union tingħaqad f’solidarjetà mal-ħaddiema tal-Enemalta flimkien ma’ dawk tal-kuntrattur li qed jaħdmu qatigħ fuq ix-xogħlijiet t’emerġenza biex jissewwew il-ħsarat li qed jiżviluppaw f’diversi partijiet tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta. Ħsarat li qed iwasslu għall-qtugħ fil-provvista tal-elettriku f’diversi żoni.
Ħaddiema li qegħdin jaħdmu xogħol bla waqfien biex kemm jista’ jkun jitnaqqas il-ħin tal-interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku għall-klijenti.
“Filwaqt li nifhmu li dan qed ikun ta’ inkonvenjent f’dawn it-temperaturi estremi, madankollu nikkundannaw bis-sħiħ lil dawk kollha li qegħdin jiktbu kliem dispreġġjattiv mimli insulti fuq il-midja soċjali lil dawn il-ħaddiema, apparti l-insulti u anke vjolenza fiżika fuqhom fuq il-lant tax-xogħol.
“Ikun aktar ta’ preġju u għajnuna li persuna tnewwlilhom tazza ilma friska milli twaddbilhom xi ħaġa filwaqt li jkunu mdendlin fil-għoli jew f’xi trinka jsewwu,” qalet is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija, Rita Dimech.