Il-Qorti tal-Appell laqgħet l-appell tal-GWU u ordnat ir-rikuża tal-Imħallef Jacquline Padovani Grima f’kawża politika li fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dwar kirja ta’ uffiċini fil-Workers Memorial Building fil-Belt.
Il-GWU talbet għar-rikuża tal-Imħallef Padovani Grima wara li rriżulta li l-Avukat Kenneth Grima huwa ħu l-imħallef Padovani Grima. Grima huwa wkoll senior partner tad-ditta tal-avukati ta’ Fenech & Fenech Advocates li l-avukati tagħha qegħdin jidhru għall-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Irriżulta wkoll li Anne Fenech għandha parentela ma’ ħu l-Imħallef.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, qalet li ssibha diffiċli tifhem kif l-ewwel qorti setgħet tiġġustifika n-nuqqas ta’ rikuża.
Il-qorti tal-Appell żiedet tgħid li din mhix sempliċiment kawża dwar dritt privat, iżda kawża politika dwar binja li ngħatat b’ċens mifdi mingħand il-Gvern.
Osservat li ħu l-imħallef u l-Avukat Anne Fenech jipparteċipaw fil-qligħ tal-kumpanija legali li qed tidher għall-eks Kap Nazzjonalista.
Il-Qorti tal-Appell qalet li hija raġonevoli l-perċezzjoni li hemm rabta tal-familjarità bejn l-Imħallef Padovnai Grima u d-ditta Fenech & Fenech li tista’ tolqot ħażin id-dehra ta’ imparzjalita oġettettiva tal-istess imħallef.
Fid-dawl ta’ dan il-Qorti ħassret is-sentenza tal-ewwel qorti għax qalet li jkun hemm ksur tal-jedd tal-GWU għal smigħ xieraq f’każ li l-kawża tkompli quddiem l-Imħallef Schembri Orland u għalhekk ordnat li l-kawża ma titkompliex quddiemha.
L-Avuakati Aaron Mifsud Bonnici u John Bonello dehru għall-GWU.