Il-General Workers’ Union ħabbret servizz finanzjarju ġdid, bi sħab ma’ Em@ney Plc., bl-iskop li tipprovdi aktar benefiċċji lill-membri tagħha. Dan is-servizz jikkonsisti f’sistema ta’ debit card iddisinjata biex tkabbar l-aċċess bażiku għas-servizzi bankarji siguri b’mod aktar faċli u mgħaġġel.
Permezz ta’ din id-debit card wieħed jista’ jgawdi mill-konvenjenza, il-flessibilità u aktar kontroll finanzjarju, proċess ta’ tranżazzjonijiet u jgawdi minn diversi vantaġġi esklussivi mfasslin għall-membri tal-GWU.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, semma kif l-unjin qegħda tippromwovi servizzi ġodda u anke tevolvi biex tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema u l-membri tagħha.
Fi preżentazzjoni li għamel Bruno Southino, Head of Business Development and Commercial Strategy ta’ Em@ney Plc., spjega li dan is-servizz se jkun offrut speċifikament lill-membri tal-GWU, debit card li tista’ tintuża kullimkien, filwaqt li se tagħti lura lill-membri diversi benefiċċji meta jużawha.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Em@ney Plc., Germano Arnò, qal li, fil-qalba ta’ dan il-proġett, hemm debit card żviluppata għal kollox f’Malta, grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Em@ney plc, li ilha topera f’Malta fil-qasam tas-servizzi finanzjarji diġitali għal dawn l-aħħar 12-il sena u hi liċenzjata mill-MFSA.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju tal-GWU Kevin Camilleri rringrazzja lil dawk kollha involuti li, flimkien, magħhom irnexxielu jimmaterjalizzaw dan il-proġett.
Għal aktar tagħrif dwar dan is-servizz wieħed jista’ jċempel fuq 2567 9000 jew jibgħat imejl fuq gwucard@gwu.org.mt.