Uffiċjali tal-General Workers Union, iltaqgħu mat-tmexxija tal-istazzjon ONE quddiem in-notifika li tressqet quddiem l-Avukat tal-Istat u l-Prim Awla Ċivili biex tinfetaħ kawża kontra l-istazzjonijiet politiċi ta’ pajjiżna.
In-notifika tressqet mid-ditta legali ta’ Andrew Borg Cardona u Peter Caruana Galizia għan-nom tal-Lovin Malta u Christian Peregin.
It-Tlieta filgħodu, ġie diskuss kif fil-fatt fi ftit tal-jiem oħra l-Avukat tal-Istat mistenni joħroġ bit-tweġiba tiegħu għal din in-notifika, liema tweġiba tiddetermina jekk dan il-każ jibdiex jinstema’ quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna.
Fil-kumment tiegħu tul din il-laqgħa, iċ-Chairman ta’ ONE, Jason Micallef innota b’sodisfazzjon l-ispeditezza li wriet il-General Workers Union quddiem din it-theddida u sostna li ser ikun qed jiġġieled sal-aħħar dan l-attakk kontra l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tax-xandir f’Malta.
Qal ukoll li l-prijorità ewlenija f’din il-ġlieda favur id-demokrazija se jkunu wkoll l-mijiet ta’ impjegati ta’ ONE li ta’ kuljum jwasslu l-aqwa prodott fuq il-mezzi tax-xandir kollha.
Is-Sur Micallef stqarr: “Naturalament il-prijorità assoluta tagħna huma l-għajxien u ssalvagwardja tal-ħaddiema kollha u l-impjiegi tagħhom fil-kumpanija ONE. Din il-kawża tfisser u tgħid biex jitneħħew il-liċenzji ta’ ONE Radio u ONE Television li tfisser li x-xogħol 100% li tagħmel din il-kumpanija allura huwa x-xandir, dak ħa jispiċċa u dak ifisser li ukoll magħhom ser jispiċċaw ammonti kbar ta’ ħaddiema, ammonti kbar ta’ impjiegi.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja qal li din il-laqgħa mmarkat ukoll bidu ta’ pjan għal futur fil-qrib sabiex l-aqwa interessi tal-ħaddiema jiġu ssalvagwardjati.
Huwa qal, “Tinsiex li aħna hawnhekk għandna ftehim kollettiv li ilu jinbena għal dawn l-aħħar 30 sena. Il-kundizzjonijiet tjiebu immensament minn meta beda u rridu nassiguraw il-futur ta’ dawn il-ħaddiema u mhux il-ħaddiema biss imma qed naraw is-suppliers kollha li hemm li jagħtu s-servizz lil ONE kif ħa jiġu affettwati minn din il-kawża u l-futur tal-impjieg tagħhom.”
Intant hekk kif l-istazzjon ONE flimkien mal-Partit Laburista jinsabu maqgħudin quddiem din it-theddida serja, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Partit Nazzjonalista u l-istazzjon NET.
Fil-fatt l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola urtat bil-kbir lill-ħaddiema tal-midja Nazzjonalista meta mas-sit Lovin Malta, li beda kruċjata kontra l-istazzjonijiet politiċi, qalet li l-istazzjonijiet politiċi ma kellhomx ikunu hemm għal dejjem.
Madankollu Bernard Grech, li għal bidu waqa’ fil-muta, qal imbagħad li l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista jrid jissaħħaħ u jibqa’ iżda n-nies li għandu warajh qed jgħidu bil-kontra.