Fi stqarrija, il-General Workers’ Union laqgħet ir-riforma tal-Gvern fit-temping agencies, li sejħitilha bħala bidla radikali u li se trażżan l-isfruttament tal-ħadddiema.
Din il-liġi l-ġdida, li se tidħol fis-seħħ mis-sena d-dieħla, tesiġi li persuna jista’ jkollha liċenzja waħda biss, speċifikament, jew għal reklutaġġ ta’ persuni għall-impjieg f’Malta jew barra minn Malta, jew biex tkun ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jew ta’ aġenzija tal-outsourcing.
B’kull aġenzija jrid ikollha competent person li jrid ikun Malti jew Ewropew, u jrid ikollu esperjenza fir-riżorsi umani.
Ma’ dawn se jiddaħħlu diversi kriterji biex ikunu ċerti li kull persuna li tapplika tkun kkwalifikata biex tinħarġilha liċenzja biex topera kwalunkwe aġenzija tal-impjieg jew negozju tal-impjieg.
F’din l-istqarrija, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja sostna li b’din il-leġiżlazzjoni, l-isfruttament fuq il-ħaddiema, speċjalment fuq il-ħaddiema barranin, jispiċċa.
Bugeja tenna li pajjiżna għandu bżonn il-ħaddiema barranin, biex jgħin għat-tkabbir ekonomiku, iżda saħaq li ħadd m’għandu jieħu vantaġġ minn dawn il-ħaddiema.