Il-General Workers’ Union laqgħet il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti proposti favur l-obbligu ta’ liċenzja għall-kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini.
Fi stqarrija, il-GWU sostniet li kuntratturi għandu jkollhom l-għarfien adegwat tal-istandards u r-regolamenti bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà, speċjalment il-kodiċi tal-prattika.
Hija saħqet li l-kuntratturi liċenzjati għandhom jiżguraw li l-ħaddiema kollha tagħhom għandu jkollhom it-tagħmir kollu meħtieġ u ċċertifikat, u li jkunu ħaddiema kwalifikati skont il-kriterji ta’ limitu stabbiliti fir-regolamenti.
Taqbel li fost il-proposti hemm dik li tipprevedi wkoll li fejn applikant ikun qed iħaddem, għandha tiġi pprovduta kopertura ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà kontra danni fuq il-post tax-xogħol inkluż saħħet il-ħaddiema.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, qal li dawn ir-regolamenti huma ta’ bżonn urġenti għas-settur tal-kostruzzjoni hekk kif għandu jkun hemm aktar infurzar u responsabbiltà kif ukoll titjieb fil-kwalità.
Matul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-GWU, wara diskussjoni interna, se tkun qed tressaq rapport dwar id-dokument sħiħ ta’ konsultazzjoni.